Id-Deputat Laburista Justyne Caruana rriżenjat minn Ministru għal Għawdex. Dan wara rapport fil-midja fejn ingħad li f’Settembru tal-2018, l-eks deputat Kummissarju Silvio Valletta li huwa wkoll ir-raġel ta’ Caruana kien siefer ma’ Yorgen Fenech, l-allegat mandat fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Fi stqarrija Valletta ddikjara bl-aktar mod skjett li fiż-żmien li huwa siefer ma’ Fenech ma kienx għadu membru fil-Korp tal-Pulizija u sostna li ma kienx infurmat li Fenech kien suspettat fl-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Ir-riżenja tħabbret b’mod uffiċċjali mill-Prim Ministru Robert Abela fl-ewwel seduta parlamentari wara l-btajjel tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena.
Il-Prim Ministru stqarr: “Ninforma lill-kamra illi aktar kmieni rċivejt ittra mingħand l-Onorevoli Justyne Caruana fejn infurmatni li kienet qiegħda tagħti r-riżenja tagħha minn ministru. jien aċċettajt din ir-riżenja.”
Fl-ittra tagħha, Dr Caruana li serviet ta’ Ministru għal Għawdex għal dawn l-aħħar sentejn u nofs qalet li hija “totalment estranja għall-istorja ppubblikata fil-midja u għalkemm m’għandha l-ebda konnessjoni mal-fatti, kienet qiegħda tissottometti r-riżenja tagħha minn Ministru b’mod immedjat.”
Justyne Caruana sostniet li dejjem qdiet fedelmemt u b’dedikazzjoni assoluta l-inkarigu fdat lilha u dejjem imxiet b’rettezza u korettezza, u għalhekk talbet li tkun tista’ tiddefendi ismiha minħabba wliedha.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Minnistru rringrazzja lil Justyne Caruana għall-ħidma sfieqa tagħha tul is-snin.
Il-Prim Ministru, Robert Abela sostna: “Nieħu l-okkażżjoni tal-lum biex nirringrazzja lill-Onorevoli Caruana tal-ħidma tagħha. Tal-ħidma li għamlet b’mod partikolari b’risq Għawdex u l-Għawdxin fiż-żmien li kienet tokkupa l-kariga ta’ Ministru għal Għawdex. Nirringrazzjaha wkoll għall-ħidma tagħha li għamlet b’mod partikolari għall-anzjani u persuni b’diżabbiltà fiż-żmien li kienet tokkupa l-kariga tas-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Persuni b’diżabbiltà. Nirringrazzjaha wkol għall-ħidma kbira li għamlet bħala membru parlamentari b’risq il-poplu Malti u Għawdxi kollu.”
Huwa żied jgħid li kemm damet fil-kariga ta’ Ministru għal Għawdex, Justyne Cauruana ħalliet impatt pożittiv fuq il-gżira Għawdxija. Waqt li sostna li Justyne Caruana se tkompli sservi fl-irwol tagħha ta’ membru parlamentari, il-Prim Ministru tenna li l-permezz tal-ħidma tagħha, kienu ħafna dawk il-familji u individwi li bbenefikaw frott id-deċiżjonijiet tagħha.