F’ ċerimonja li saret fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija ngħataw għadd ta’ rikonoxximenti lil diversi Pulizija li ibrillaw f’ xogħlhom matul is-sena 2016 fost dawn hemm is-Surġent Justin Spiteri bin-numru PS601.
Huwa ngħata r-rikkonoxximent tal-Pulizija tas-Sena 2016 dan għaliex huwa kien strumentali f’ħidma mar-Rapid Intervention Unit, irnexxilu jwaqqaf u jieħu arma tan-nar minn idejn persuna li kienet qed thedded membri oħra tal-Korp kif ukoll talli f’ Mejju tas-sena l-oħra u kien off-duty irnexxielu jferraq żewġt irġiel li kienu armati u li kellhom argument bejniethom.
Ix-Shield ta’ din is-sena minn fost id-distretti, ngħata lid-Distrett 6A li jikkonsisti f’ San Ġiljan, Paceville, Ibraġġ, Swieqi, St Andrew’s, High Ridge, Pembroke u San Ġwann, dan għaliex irnexxielhu jnaqqas ir-rata ta’ kriminalita’ b’ marġi sostanzjali minn dik ir-reġistrata s-sena l-oħra. Ingħata rikonoxximent ukoll lill-Eks Pulizija li rtirraw matul is-Sena li għaddiet.
Fid-diskors tiegħu l-Kumissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar irringrazzja lill-membri kollha tal-Korp tax-xogħol siewi tagħhom u kif ukoll rringrazzja lill-membri kollha li servew fil-Korp għall-aktar minn 25 sena, fejn uħud minnhom reġaw daħlu lura fil-Korp fuq bażi part-time sabiex ikun hemm taħlita ta’ esperjenza u demm ġdid.
Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali, Carmelo Abela, qal li fiċ-ċerimonja tal-lum qed niċċelebraw il-ħafna tajjeb li jsir mill-Korp tal-Pulizija u li mhux dejjem jissemma’. Huwa qal li parti mill-politika ta’ din il-Gvern hija li l-Korp tal-Pulizija jkompli jiżvilluppa, filwaqt li nikkumbattu mal-isfidi u nżiedu l-koperazzjoni ma’ Korpi oħra tal-Pulizija, l-aktar dawk Ewropej. Il-Ministru Abela rringrazzja lill-Pulizija kollha għax-xogħol tagħhom.