Waqt li ġie mistoqsi dwar il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista għall-qasam edukattiv, il-Kelliem Ewlieni tal-Oppożizzjoni Justin Schembri ammetta li għad mhemmx waħda lesta u dan għax, fi kliemu, l-elezzjoni ġenerali għad fadlilha tliet snin oħra.
Schembri qal dan f’dibattitu mal-Ministru għall-Edukazzjoni, Clifton Grima, waqt il-programm televiżiv ‘Insights’ fuq l-istazzjon nazzjonali, li kien qed jittratta proprju l-istrateġija nazzjonali għall-edukazzjoni, li tinsab fl-aħħar fażi tagħha.
Clifton Grima: “Jiġifieri il-viżjoni mhux lesta, tal-Partit Nazzjonalista għall-Edukazzjoni?”
Justin Schembri: “Il-viżjoni tagħna qed tinbena, bħalma qegħda tinbena tiegħek. Allaħares ikolli viżjoni lesta meta fadalli tliet snin għall-elezzjoni.”
Waqt li fid-diskussjonijiet dwar il-baġit, Justin Schembri kien qal li l-Gvern m’għandux viżjoni għall-qasam edukattiv, fil-programm imxandar il-Ħamis filgħaxija, hu spiċċa jdawwar kliemu u jgħid li din l-istrateġija kif ippreżentata mill-Gvern se tfisser qabża kbira.
“Dan id-dokument, jekk kemm-il darba jiġi implimentat, pajjiżna jirnexxielu jagħmel qabża kbira.”
Minkejja riżultati sinifikanti li nkisbu fl-aħħar snin, inkluż li r-rata ta’ dawk li jitilqu mill-iskola kmieni hi fl-inqas livell li qatt kienet u titjib fil-kundizzjonijiet tal-għalliema, Schembri qal li s-settur tal-edukazzjoni mhuwiex rispettat f’pajjiżna.
Minkejja dan, il-Ministru Grima qal li l-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni, li fit-tfassil tagħha saru mal-mitejn laqgħa mal-istakeholders involuti, tpoġġi lill-istudenti u lill-edukaturi fil-qofol tagħha.
Semma wkoll kif din l-istrateġija hi bbażata fuq tliet pilastri ewlenin: il-benesseri tal-persuna; l-iżvilupp sħiħ u l-inklużjoni, bil-għan li tħares il-ħiliet u l-ħtiġijiet; kif ukoll li tattira iżjed persuni lejn is-sistema edukattiva.
Waqt id-dibattitu, il-Kelliem Ewlieni tal-Oppożizzjoni wkoll ma weġibx dwar kemm infetħu skejjel ġodda fi żmien amministrazzjoni Nazzjonalista.
Clifton Grima: “Semmihomli. Semmihomli.”
Justin Schembri: “Semmejthomlok fid-diskors tal-baġit, m’għandix għalfejn nerġa’ nirrepetihomlok.”
Sadanittant il-Ministru Grima wkoll ittratta l-kwistjoni li tqajmet għalxejn mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista dwar iċ-Ċentru tar-Riżorsi, Guardian Angel. Hu reġa’ tenna li ċ-ċentru għandu r-riżorsi kollha meħtieġa, waqt li faħħar lil dawn il-ħaddiema, li b’dedikazzjoni jagħmlu dak kollu meħtieġ għall-istudenti fi ħdanu.
Mistoqsi dwar it-taħditiet li għaddejjin bejn il-Ministeru mmexxi minnu u l-Unjin tal-Għalliema, l-MUT, dwar il-ftehim kollettiv il-ġdid, hu qal li d-diskussjonijiet għadhom għaddejjin u li dawn qatt ma waqfu. Tenna li ż-żewġ partijiet qed iħarsu ’l quddiem biex il-ftehim jingħalaq.