Tnediet kampanja ta’ edukazzjoni bi trasparenza sħiħa mmirata lejn iż-żgħażagħ dwar l-użu tas-sustanzi.
Il-bażi tal-kampanja huwa s-sit elettroniku www.justfacts.gov.mt, fejn hemm informazzjoni bla kantunieri dwar kull tip ta’ sustanzi.
Fil-fatt, wieħed jista’ jfittex fatti dwar sustanzi bħall-isteroids, il-kokaina, l-LSD u t-tabakk.
Kull paġna fuq dan is-sit għandha referenza għall-għajnuna li wieħed jista’ jfittex u jsib.
Dan is-sit elettroniku huwa proġett miż-żgħażagħ għaż-żgħażagħ.
Qalet, “L-Aġenzija Żgħażagħ tagħti spazju liż-żgħażagħ u hawnhekk f’dil-kampanja hekk għamlet, ġiet imqabbda mill-Ministeru biex tagħti dan l-ispazju. Ġabret numru ta’ żgħażagħ li kienu qegħdin jużaw jew użaw id-droga jiġifieri ma kinux biss iż-żgħażagħ li mhumiex jużaw is-sustanzi imma anki żgħażagħ li wżaw u l-ideat kienet li n-nies li kienu qed jippjanaw dil-kampanja, jisimgħu leħinhom.”
L-Aġenzija Komunità Malta tat finanzjament ta’ madwar disgħin elf ewro għal din il-kampanja.
Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat qal li l-Aġenzija emmnet mill-ewwel f’din il-kampanja li teduka flok tbeżża’.
Spjega, “Il-fatt li jkun hawn kampanja edukattiva bħal din, qed ngħallmu iktar lill-komunitajiet tagħna, lill-komunità kollha Maltija u Għawdxija u għalhekk Komunità Malta qed tinvesti f’kampanja bħal din għax bla dubju ħa tkompli tgħolli s-social wellbeing ta’ pajjiżna.”
Il-Ministru Michael Falzon fakkar fir-realtà li aktar minn seba’ mitt persuna jmorru għall-methadone kuljum.
Huwa tenna li wara kull numru hemm ħajja u familja, u wassal appell b’saħħtu biex ma niġġudikawx.
Qal, “Id-droga mhix is-soluzzjoni, imma hija l-problema, u naħseb l-iktar ħaġa li rridu nwasslu hemm barra hija li aħna jimpurtana minn kulħadd bħala amministrazzjoni, anki fejn in-numri huma żgħar.”
Il-kampanja bdiet fuq il-midja soċjali għax hija l-aktar pjattaforma b’saħħitha maż-żgħażagħ, imma aktar ’il quddiem se tinfirex anki fuq it-televiżjoni u r-radju.