Id-DJ internazzjonali Malti Tenishia, Joven Grech, propjament mill-gżira ta’ Kemmuna laħaq mal-150,000 persuna minn madwar id-dinja f’temp ta’ 12-il siegħa permezz ta’ xandira diretta li għamel fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook.
F’kummenti li ta’ lil ONE News, Grech spjega li l-idea ġietu meta wara 12-il sena jdoqq f’avvenimenti mużikali kbar kif ukoll f’postijiet rinomati għad-diveritment madwar id-dinja, sar japprezza ferm aktar lill-Malta.
“Kont nagħmel 50 spettaklu fis-sena u din is-sena to be honest għidt se niffoka nerġa daqsxejn fuq Malta. Se nibqa’ nuża l-potezjal li għandi u permezz tal-paġna tiegħi ta’ Facebook (li kważi tilħaq it-300,000 ruħ) xtaqt noħloq tieqa internazzjonali billi nagħmel dawn ix-xandiriet fejn insemma’ l-mużika u fl-istess ħin nippromwovi postijiet bħall-Forti Sant’Anġlu u Kemmuna. Ix-xenarji jitkellmu waħedhom, jgħinuk ħafna wkoll għaliex jiġbdu l-għajn ta’ min ikun qed jara”, spjega d-DJ.
Huwa temm jgħid li dawn ix-xandiriet jidher li qed ikunu suċċess, hekk kif f’anqas minn 12-il siegħa mill-aħħar waħda ntlaħqu 150,000 persuna minn madwar id-dinja. Ix-xandira li jmiss se ssir f’Ottubru mill-Foss tal-Imdina.