Jurassic Immersive Experience, attrazzjoni virtwali dwar l-era tad-dinożawri fuq id-dinja fi Ġnien Laparelli fil-Belt, hi l-ewwel tax-xorta tagħha f’Malta. Persuni ta’ kull età jistgħu jieħdu esperjenza ta’ livell għoli fi vjaġġ f’riserva tad-dinosawri.
B’wirjiet interattivi, logħob virtwali, teknoloġija moderna, immaġini mill-isbaħ u kontenut edukattiv, dawk li jattendu jitgħallmu aktar dwar l-għeġubijiet tad-dinja preistorika, filwaqt li jgawdu minn esperjenza unika ta’ madwar 60 minuta.
Il-kumpanija Awstrijaka Attraktion!, flimkien mal-operaturi globali Fever, biex joffru din l-attrazzjoni unika f’Malta, bl-użu tal-aħħar teknoloġija, inteliġenza artifiċjali u spazju immersiv, flimkien ma’ roller coaster u rikba fuq vettura lkoll b’esperjenza tal-5D.
Għalkemm ħafna mill-attrazzjonijiet f’Malta huma simili għal dawk li hemm f’attrazzjonijiet oħrajn Ewropej, f’Malta l-prezz hu orħos, fejn kollox hu inkluż mal-biljett tad-dħul.
L-aċċess għall-foss tal-Belt hu mit-taraġ ta’ ħdejn il-bini tal-Parlament, waqt li l-Malta Public Transport qed joffru wkoll servizz ta’ shuttle aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità kull kwarta minn Pjazza Kastilja. Minbarra hekk, hemm parkeġġ kbir ukoll ħdejn l-attrazzjoni stess, li jiġi aċċessat minn fejn qabel kont tidħol għall-Yellow Garage.
L-attrazzjoni hija miftuħa mit-Tnejn sal-Ħadd mill-10:00 ta’ filgħodu sas-6:00 ta’ filgħaxija, b’ħinijiet estiżi sat-8:00 ta’ filgħaxija nhar ta’ Ġimgħa u Sibt.