Il-kulleġġ tal-Junior College fetaħ il-bibien tiegħu għall-open day annwali li ssir f’isem il-pubbliku inġenerali, studenti prospettivi u l-familji tagħhom biex jiskopru aktar dwar pass importanti ferm fil-vjaġġ edukattiv tal-istudenti: meta mis-sekondarja jgħaddu għal-livell postsekondarju.
L-istudenti tar-raba’ u tal-ħames sena tas-sekondarja kellhom l-opportunità unika li jiltaqgħu mal-Prinċipal, il-kapijiet tas-suġġetti differenti u l-letturi filwaqt li jaraw l-faċilitajiet u s-servizzi li joffri l-Kulleġġ.
Kien hemm ukoll informazzjoni dwar il-programmi ta’ studju, kif ukoll attivitajiet kontinwi li huma parti integrali mill-ħajja tal-Kulleġġ.
ONE News tkellem ma’ wieħed mill-istudent Advisors Giousuè Pianciamore fejn spejga aktar fid-dettall x’setgħu jaraw u jagħmlu l-istudenti biex fl-aħħar mill-aħħar jagħmlu l-għażla t-tajba dwar il-futur tal-ħajja skolastika tagħhom.
Hu qal, “Bażikament ftaħna l-bibien bħala event partikolari ħafna, uniku naħseb, fejn l-istudenti ġew flimkien mal-ġenituri tagħhom biex jiltaqgħu mal-academics, mal-advisory services u anka l-faċilitajiet jiġifieri laboratorji, youth hub, librerija, kullimkien. Naħseb hija okkażjoni li ftaħna l-bibien lil kulħadd biex jiġi jara eżattament x’għandna qabel ma jagħmlu l-għażla finali in a couple of months time.”
Giousuè Pianciamore għamel l-appell tiegħu biex studenti li jixtiequ jitkellmu magħhom jew jagħmlu appuntament jistgħu jibgħatu fuq advisory.jc@um.edu.mt u jkunu jistgħu jiggwidawhom aħjar għal fejn iridu jaslu.
Hu rrimarka, “L-appell tagħna huwa li kif ilestu l-olevels l-istudenti jikkuntatjawna ħalli nkunu nistgħu niltaqgħu magħhom biex naraw ftit x’suġġett ikun tajjeb u available, x’courses u opportunitajiet hemm l-Università, x’bibien jinfetħu b’mod lokali u barra minn Malta. Naħseb hija opportunità biex meta l-istudenti ilestu mill-olevels jibgħatulna u nkunu nistgħu nitkellmu aktar fid-dettall.”