Il-Junior Camp ta’ AC Milan se jsir Malta, fil-faċilitajiet tal-Fgura FC bejn it-8 u t-13 ta’ Lulju. Dettalji dwar dan il-kamp ta’ taħriġ ingħataw ftit tal-ġranet ilu fejn ġie żvelat il-pjan u l-għan ta’ dan it-taħrig.
Dan il-kamp għandu l-għan li joffri lill-parteċipanti żgħażagħ esperjenza tal-futbol komprensiva, li tgħaqqad il-gost u t-tkabbir personali f’ambjent b’saħħtu u sigur.
Il-programm, iddedikat għall-bniet u subien ta’ bejn is-6 u s-17-il sena, se jinvolvi lil kull parteċipant fi 11-il sessjoni ta’ taħriġ, ikkoordinati minn kowċ uffiċjali tal-AC Milan Academy u strutturati b’ħinijiet fissi mit-8.30am sal-10am u mis-6.30pm sat-8.00pm.
Il-wasla tal-Milan Junior Camp f’Malta tixhed l-attenzjoni kontinwa tal-klabb għall-futbol taż-żgħażagħ u l-impenn tiegħu biex jippromwovi valuri fundamentali bħar-rispett, il-kollaborazzjoni, u l-inklużjoni permezz tal-metodi li jintużaw min Milan.
Franco Baresi, Viċi President Onorarju ta’ AC Milan, qal: “Il-wasla tal-Milan Junior Camp f’Malta hija xhieda oħra tar-rieda tal-klabb li jkompli jxerred il-valuri Rossoneri b’mod aktar wiesa’.
“B’dawn l-inizjattivi, irridu noħolqu konnessjonijiet sinifikanti mal-futbolers żgħażagħ tal-futur, billi noffrulhom esperjenza indimentikabbli permezz tat-tagħlim tagħna”.
“Permezz tal-impenn tagħna għat-tkabbir tekniku u personali, aħna nimmiraw li nispiraw lill-parteċipanti billi nwasslu l-valuri li huma fil-qalba tal-klabb tagħna.”
Għal dan l-istadju ġdid tal-kamp, Baresi se jkun qed jigi megħjun minn G&C Football Management – aġenzija intermedjarja tal-futbol u l-isports li din is-sena hija s-sieħeb uffiċjali tal-Akkademja ta’ Milan.
Aktar dettalji jistgħu jinkisbu mis-sit uffiċjali tal-Milan Junior Camp.