Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean -Claude Juncker fid-diskors tiegħu waqt SOTEU ħeġġeġ lill -mexxejja tal-UE biex ma jħallux Brexit jiddomina l-aġenda politika Ewropea, huwa qal li jeħtieġ ikollna viżjoni pożittiva għall-Unjoni li minkejja dak li kien qed jintqal fl-aħħar jiem ma tinsabx f’riskju. Fid-diskors tiegħu fil-Plenarja ġewwa Strasburgu, huwa qal li l-popoliżmu huwa wieħed mill-akbar problemi fl-Unjoni iżda minkejja l-isfidi li qed taffaċja xorta waħda fi kliemu, l-Unjoni Ewropea hija b’saħħitha. Juncker stqarr li huwa diżappuntant bid-deċiżjoni li ħa r-Renju Unit, li ma jibqax membru tal-Unjoni Ewropea iżda spjega li minkejja dan il-pajjiżi membri xorta waħda huma pożittivi dwar l-Ewropa u li kontra għal dak li ntqal mill-bosta, l-eżistenza tagħha hija assigurata. Huwa appella lir-Renju Unit biex jgħaġġel il-proċess sabiex jibdew in-negozjati ta’ tluq mill-Unjoni Ewropea. Fl-indirizz tiegħu lill-Membri Parlamentari Ewropej, huwa qal li l-pajjiżi Membri jridu jżidu s-solidarjeta’ għaliex minkejja l-isforzi kollha, xorta waħda mhux qed nesperjenzaw biżżejjed Unjoni.
Huwa appella biex l-Unjoni Ewropea tixpruna s-setturi kollha tagħha. Dan id-diskors huwa biss jumejn qabel l-mexxejja Ewropej, inkluż il-Prim Ministru Joseph Muscat, jiltaqgħu fi Bratislava għal summit li matulu se jiġu diskussi l-elementi kollha meħtieġa biex tiġi miġġielda l-kriżi Ewropea. Punt importanti ieħor kien dak li għamel il-President dwar is-siġurta’ fl-Ewropa, u li din jeħtieġ li tiġi indirizzata biex jiġu ssalvagwardjati ċ-Ċittadini Ewropej, mhux biss mit-theddid iżda anka l-effetti li qed tħalli fuq l-ekonomija u l-globalizazzjoni. Matul id-diskors huwa semma numru ta’ punti oħra, fosthom il-ħtieġa li tiżdied il-koperazzjoni bejn il-Gvernijiet tal-pajjiżi membri speċjalment fejn tidħol is-sigurtá.
Juncker spjega li f’dinja li dejjem qed tikber, l-Ewropa jeħtieġ tkun b’saħħitha u kapaċi taffaċja kull eventwalita. Dwar l-imigrazzjoni huwa stqarr il-viżjoni tal-Kummissjoni li jeħtieġ li tiżdied is-sigurtá fil-fruntiera biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-imigrazzjoni. Fi kliemu l-Unjoni Ewropea qed taħdem fuq pjan effettiv ‘EU Border and Coast Guard’ u li għandu jitlesta sal-aħħar tas-sena 2016. Stqarr li l-Unjoni Ewropea jeħtieġ ikollha kwartieri ġenerali militari li tkun responsabbli mill-interessi ta’ protezzjoni tal-Unjoni. Huwa appella wkoll lill-Greċja biex tindirizza l-problema ta’ tfal li qed jaslu fil-pajjiż bit-tama ta’ ħajja aħjar mhux akkumpanjati.
Fi kliemu huwa għamel referenza wkoll għal numru ta’ setturi oħra fosthom id-dinja diġitali, fejn ħabbar li sas-sena 2020 kull pajjiż se jkollu servizz ta’ WIFI b’xejn. Huwa tkellem ukoll dwar il-ħaddiema u l-bżonn li tiġi implimentata b’mod effettiv il-‘Posted Workers Directive’ sabiex impjegat li jintbgħat fuq xogħol temporanju f’pajjiż ieħor ikollu l-istess paga.
Fuq l-istess linja huwa faħħar il-garanzija għaż-żgħażagħ, li bbenefikaw minna aktar minn 9,000,000 student, u li din se tkun qed tkompli matul is-sena li ġejja. “Minkejja li l-Unjoni qed taffaċja numru ta’ sfidi, inkluż BREXIT, L-Unjoni Ewropea jeħtieġ li timplimenta aġenda li tindirizza l-bżonnijiet taċ-ċittadini, speċjalment fejn tidħol is-sigurtá, l-ekonomija u l-imigrazzjoni.”
State of the Union Address 2016: Towards a better Europe | full speech: https://t.co/WpN7moZT8t #SOTEU pic.twitter.com/85RqP3OG9w
— European Commission (@EU_Commission) September 14, 2016