Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean Claude Juncker, kiteb lill-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk ġimgħa qabel jerġa’ jiltaqa’ l-Kunsill Ewropew fi Brussell u l-messaġġ kien dwar l-immigrazzjoni.
Biex baqgħet fuq nett tal-aġenda t-tema li hi ewlenija fost il-prijoritajiet Maltin fil-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Saret referenza ċara għad-dikjarazzjoni ta’ Malta maqbula waqt is-Summit tat-3 ta’ Frar u li fiha kien maqbul li trid issir ħidma biex tkun indirizzata r-rotta tal-Mediterran Ċentrali, dik li tara ħafna immigranti jitilqu mil-Libja. Fosthom bi ftehim u diskussjoni minn pajjiżi minn fejn jitilqu l-immigranti.
L-ittra ta’ Juncker lil Tusk intbagħtet wara li l-Kulleġġ tal-Kummissarji Ewropej qabel fuq pakkett ġdid b’rabta mal-immigrazzjoni.
Fih il-Kummissjoni għamlet ukoll appell lill-Istati Membri biex iżidu l-pass ta’ rilokazzjoni biex itaffu l-pressjoni fuq l-Italja u l-Greċja u ntqal li ftit biss minnhom wettqu l-impenji tagħhom b’mod sħiħ.
Sa issa, huma biss żewġ Stati Membri, Malta u l-Finlandja, li qegħdin fit-triq it-tajba biex jilħqu l-obbligi tagħhom, qalet il-Kummissjoni Ewropea.
Il-Kummissjoni stiednet ukoll lill-Istati Membri biex iwettqu l-impenn politiku qawwi mogħti u jimlew jgħinu fir-riżorsi umani u t-tagħmir sal-aħħar ta’ Marzu għall-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta.
Dan anke għax sena wara li saret id-Dikjarazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u t-Turkija, li qed tkompli żżomm il-qsim irregolari taħt kontroll, xorta għadhom qegħdin jaslu nies aktar milli qed jintbagħtu lura.
Meta tkellem dwar dan u l-bidliet l-oħra li hemm bżonn, il-Kummissarju Ewropew responsabbli mill-Immigrazzjoni qal li filwaqt li l-Ewropea trid turi solidarjeta hemm messaġġ ċar x’jintbgħat.