Il-Prim Ministru Joseph Muscat laqa’ lill-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker fil-Berġa ta’ Kastilja ftit tal-ħin ilu.
Dagħlodu Jean Claude Juncker beda bl-impenji tiegħu hawn Malta.
F’taħdita qasira fil-preżenza tal-mezzi tax-xandir, it-tnejn li huma qalu li huma pożittivi għal dawn is-sitt xhur Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li fil-ħidma tagħha, Malta u l-Ewropa għandhom jibqgħu viċin in-nies; il-familji Ewropej.
Minkejja l-isfidi, dawk li nafu bihom, u oħrajn li għadna le, qal li jibqa’ ottimist li dawn is-sitt xhur jistgħu jħallu l-frott, anke għaliex il-Presidenza Maltija u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ħsibijiet simili ħafna.
Xi ħaġa li qabel magħha l-President tal-Kummissjoni Ewropea, li tenna li għandu jkun hemm ħidma fuq il-prioritajiet li pajjiżna poġġa quddiemu, fosthom l-immigrazzjoni.
Tenna, bħall-Prim Ministru Malti, li l-Gvern Malti u l-Kummissjoni jaħsbu b’mod kważi għalkollox simili, u għaldaqstant jistgħu jaħdmu b’mod li dawn is-sitt xhur ta Presidenza jkunu suċċess.