Il-Gozo Motocross Association organizzat jumejn taħriġ intensiv għall-membri sewwieqa tagħha. Banda Mx hija akkademja mill-MXGP li hija affiljata mal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Muturi, l-FIM.
Nenad Maxim u Dimtry Asmanov, li huma sewwieqa professjonisti, kienu dawk li mexxew dawn is-sezzjonijiet ta’ taħriġ. It-tnejn li huma, huma champions ta’ kampjonati Ewropej. Asmanov, ġuvni ta’ 22 sena li qiegħed jistudja biex isir inġinier fl-Universita ġewwa Kiev, rebaħ dan it-titlu Ewropej tliet darbiet.
L-għalliema wrew ħila u teknika kbira u dan kien jidher ċar waqt il-lezzjonijiet li kienu għaddejjin matul dawn il-jumejn li għaddew mas-sewwieqa Għawdxin.
It-taħrġ beda s-Sibt u dam għaddej sitt siegħat sħaħ. Il-programm kien imqassam f’diversi sezzjonijiet fosthom eżamijiet fiżiċi bħal pereżempju jitkejjel ir-ritmu tal-qalb, u anke s-saħħa tal-pulmun. Ingħataw pariri ta’ kif għandu jsir taħriġ personali u x’dieta għandu wieħed isegwi. It-teknika u l-bilanċ fuq il-mutur kienu żewġ lezzjonijiet interessanti ħafna.
Il-Ħadd, is-sewwieqa kellom erba siegħat oħra ta taħriġ, din id-darba prattika bil-muturi tagħħom fit-trekk.
Maxim spjega kif il-motocross huwa wieħed mill-aktar dixxiplini sportivi li jirrikjedi saħħa u reżistenza biex is-sewwieq ikun kapaċi jelgħeb l-ostakli kollha u jasal sal-bandiera. Huwa saħaq fuq l-importanza ta’ eżerċizzju addattat kif ukoll dieta tajba.
Fl-aħħar tat-tieni jum, l-għalliema qassmu ċertifikati GMXP lis-sewwieqa kollha. Il-president tal-GMA, Frank Xuereb, ta plakka ta’ tifkira liż-żewġ għalliema filwaqt li irringrazzjahom tad-dedikazzjoni u l-professjonalita li wrew mas-sewwieqa tal-għaqda. Iż-żewġ entitajiet ftehmu li fil-futur għandu jkun hemm aktar kollaborazzjoni simili bejn Għawdex u l-Ukranija.
Dimtry Asmanov ser jibda l-parteċipazzjoni tiegħu fil-Kampjonat Ewropej 2019 fl-14 ta’ April li ġej.