Wara żjara f’Ċipru u t-Tuneżija, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Federica Mogherini se żżur Malta fit-tnejn ta’ Novembru.
Dan fl-impenn tagħha ta’ tisħiħ tar-reġjun Mediterranju.
F’pajjiżna Mogherini mistennija tiltaqa’ mal-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin George Vella, u l-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela. U wara se tindirizza wkoll il-Mediterranean Academy of Diplomatic Studies, u l-istudenti tal-Università ta’ Malta, f’sessjoni ta’ mistoqsija–tweġiba dwar ir-reġjun Mediterranju.
Din iż-żjara ta’ Mogherini f’pajjiżna, kif ukoll dawk fit-Tuneżija u Ċipru, jkomplu jindikaw l-enfasi fuq il-Mediterran mill-Kummissjoni Ewropea.
Dan xahrejn biss qabel Malta tieħu f’idejha l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Filfatt lejlet iż-żjara f’pajjiżna, il-pjan ta’ Mogherini jinkludi żjara fit-Tuneżija. Żjara importanti fid-dawl ta’ ftehim għat-tisħiħ tar-relazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u t-Tuneżija, biex dan il-pajjiż Nord Afrikan isib l-għajnuna fit-trażizzjoni demokratika, u biex ikun imħeġġeġ l-iżvilupp soċjo ekonomiku.
Sadanittant Mogherini żaret Ċipru, fejn kellha numru ta’ laqgħat, u tkellmet fit-tul dwar il-kwistjoni Ċiprijotta, biex din fl-aħħar tingħalaq.
Ir-rappreżentanta għolja tal-Unjoni Ewropea qalet hekk:
“Our role as European Union is to accompany the leaders and their determination in a way that can be beneficial for all Cypriots, to live in a united European Cyprus.”
Iż-żjara f’Malta hija waħda minn sensiela li qed jagħmlu Kummissarji Ewropej issa li l-Presidenza Ewropea qiegħda wara l-bieb.
Hemm mistennija wkoll żjarat ta’ mexxejja ta’ pajjiżi oħra.