Jum wara li f’Istanbul, ir-Russi daħlu fi ftehim biex iħallu l-qamħ jgħaddi mill-baħar l-Iswed missili laqtu port ewlieni li jesporta l-qamħ mill-Ukrajna.
Il-missilli kkawżaw ħsarat kbar fil-port ta’ Odessa, hawnhekk il-qamħ jiġi proċessat qabel ikun esportat.
Kelliem għall-forzi tal-ajru Ukreni qal li huma nterċettaw minn tal-inqas erba’ missili li kienu destinati li jkomplu jagħmlu ħsara fuq il-port u l-madwar.
Din il-mossa meqjusa bħala tradiment ta’ dak li ġie ffirmat ġabet il-kundanna ta’ bosta fosthom tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u s-Sigurtà, Josep Borrell Fontelles.
Permezz ta’ kitba fuq Twitter, Borrell ikkundanna dan l-attakk f’isem l-Unjoni Ewropea. Huwa temm jgħid kif dan l-attakk wera biċ-ċar il-mod ta’ kif ir-Russja tinjora l-obbligi internazzjonali tagħha.
Il-ftehim iffirmat is-Sibt, kien se jħalli miljuni ta’ tunnellati ta’ qmuħ joħorġu mill-Ukrajna fi żmien delikat meta l-prezzijiet tal-ikel bażiku qegħdin iħallu effetti negattivi madwar l-Ewropa kollha.
Membru Parlamentari ta’ Odesa, fuq Twitter qal li wara dan l-attakk ir-Russi jifmhu biss bil-forza, filwaqt li appella biex jintbgħatu aktar armi sabiex jipproteġu lil arthom.
Madanakollu, ir-Russja mhux qed terfa’ r-responsabbilità ta’ dan l-attakk.