Jum mill-aqwa għal Team Malta hekk kif pajjiżna rebaħ xejn inqas minn 24 midalja fosthom disa’ midalji tad-deheb meta mil-lum bdew jintrebħu l-midalji fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar.
Il-Prim Ministru Robert Abela llejla kien fil-Marsa Sports Club fejn preżenta l-midalji lil tliet atleti nisa li kkompetew fl-Isquash (singles).
Il-Prim Ministru ppreżenta l-midalja tad-deheb u dik tal-fidda lill-aħwa Colette u Lijana Sultana u l-midalja tal-bronż lill-atleta tal-Lussemburgu, Sandra Denis.
Dr Abela tkellem ukoll ma’ Kijan Sultana, ħu Colette u Lijana, li wkoll rebaħ il-midalja bronż għal Malta fl-isquash.
Fuq il-paġna ta’ facebook, Dr Abela ppubblika ritratt jawgura lil Colette Sultana, ir-rebbieħa tal-midalja tad-deheb fl-isquash u fisser kif kienet ġurnata mill-isbaħ għall-atleti ta’ Malta li qed jikkompettu f’dawn il-Logħob organizzati f’pajjiżna.
Malta kisbet diġà riżultati tajbin ħafna fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa u kisbet id-deheb fil-judo u fl-atletika, fost oħrajn.
Pajjiżna rebaħ ukoll erba’ midalji tal-fidda u ħdax-il midalja tal-bronż.