Fl-Ukrajna qed ikun osservat jum ta’ luttu nazzjonali, wara waħda mill-agħar mewġiet ta’ attakki mill-ajru Russi f’dawn l-aħħar xhur, li fihom inqatlu mill-inqas wieħed u erbgħin persuna, u ndarbu mija u sitta u sittin oħrajn.
L-isptar prinċipali tat-tfal fil-kapitali Kyiv kien fost il-binjiet li ntlaqtu mill-attakki li saru madwar il-pajjiż fl-aħħar sigħat.
Ir-Russja ċaħdet li fil-mira tal-attakki tagħha kellha l-isptar fi Kyiv, iżda l-Ukrajna qalet li biswit il-binja nstabu traċċi ta’ missili Russi.
Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky sejjaħ l-attakk bħala ‘brutali’ u ddeskriva lil Vladimir Putin bħala ‘kriminal imdemmi’.
Illum, mistenni summit min-Nato f’Washington, li fuq l-aġenda tiegħu se jkollu r-rispons militari għall-invażjoni fl-Ukrajna.