It-tema ta’ dan il-jum partikolari fil-Parlament ta’ Malta kienet ‘Id-demm jgħaqqadna lkoll’.
L-Ispeaker qal li ta’ kull sena jsiru madwar 108 miljun donazzjonijiet tad-demm li jinġabar biex jintuża għall-kura tal-morda u għall-vittmi ta’ inċidenti u ta’ diżastri naturali.
L-Ispeaker tkellem dwar il-kwalitajiet tad-donaturi tad-demm. Kull donatur tad-demm għandu jitqies bħala persuna li qed tgħin fil-kura tal-morda u li qed tagħti l-kontribut tagħha biex f’pajjiżna jkollna kura tal-ogħla kwalità. Id-donatur għandu jitqies ukoll bħala persuna altruwista – sensibbli għall-ħtiġijiet tal-oħrajn. Kull donazzjoni hi att ta’ mħabba lejn il-persuna li teħtieġ id-demm biex tkun tista’ tgħix b’dinjità. Meta nqisu li s-servizzi tas-saħħa f’pajjiżna mogħtija mill-Istat huma bla ħlas, inħossu li s-servizz li qed jagħtu d-donaturi hu nobbli u dinjituż għax kull servizz meħtieġ mill-marid jew mill-vittmi ta’ inċidenti għandu jitqies essenzjali u li jgħaqqadna bħala familja waħda.
Anġlu Farrugia faħħar lid-donaturi tad-demm f’pajjiżna li huma fost donaturi oħra fi 62 pajjiż fejn dan l-att ta’ mħabba jsir bla ħlas u b’mod volontarju. Hu ħeġġeġ lid-donaturi biex jibqgħu koerenti ma’ dawn il-prinċipji filwaqt li appella biex aktar Maltin u individwi oħra jagħtu d-demm u jsiru donaturi volontarji. B’hekk ikunu ta’ eżempju għal ħaddieħor u fl-istess waqt ikunu qed jikkontribwixxu fit-tisħiħ tal-valuri, bħas-solidarjetà umana.
Dan il-jum ta’ għoti ta’ demm fil-Parlament ta’ Malta sar b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, mad-Dipartiment tas-Saħħa, u maċ-Ċentru Nazzjonali tad-Demm.