Il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2018 għalqet b’ġurnata oħra ta’ attivitajiet għall-familja kollha li fihom il-pubbliku ħa sehem bi ħġaru. Din kienet open day fid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti f’Ħ’Attard, li fetaħ il-bibien tiegħu biex in-nies ikunu jistgħu jaraw mill-qrib kif jaħdem biex jipprovdilhom servizz.
Matul il-ġurnata tal-Ħadd, f’dan id-direttorat saru taħditiet dwar il-ħarsien tal-pjanti kif ukoll ingħatat l-opportunità lill-viżitaturi biex iħawlu xtieli huma stess. Dawk li ħadu sehem f’din l-open day iddawru mal-post minn gwida u ngħataw tagħrif interessanti dwar l-istorja ta’ dan il-post li tmur lura sas-sena 1625 fi żmien il-Gran Mastru Fra Antoine de Paule. Kien hemm ukoll diversi attivitajiet edukattivi u divertenti għat-tfal u kant minn bands u minn kantanti Maltin.
Din l-open day wasslet fi tmiemha l-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2018 li bdiet fit-18 ta’ Mejju u kellha t-tema ‘Servizzi Pubbliċi għand Kulħadd Kullimkien’. Il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku tiġi organizzata kull sena biex is-Servizz Pubbliku jirrikonoxxi l-ħidma tal-uffiċjali pubbliċi, biex il-pubbliku jkollu aktar għarfien dwar din il-ħidma u biex isiru konsultazzjonijiet mal-klijenti.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar esprima sodisfazzjon dwar l-andament tal-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2018 filwaqt li radd ħajr lil kull min ta sehmu biex din il-ġimgħa tkun suċċess kbir. “Din kienet ġimgħa li matulha messejna l-prinċipji kollha li qed naħdmu bihom biex intejbu s-Servizz Pubbliku. Din kienet biss vetrina u togħma ta’ dak li għaddej kontinwament fis-Servizz Pubbliku. Meta naraw l-apprezzament tan-nies nibqgħu impenjati li nkomplu ntejbu s-servizzi tagħna biex jintlaħqu minn kulħadd, kullimkien”, qal is-Sur Cutajar.