L-Air Malta għadha kif tniedi avveniment uniku mmirat lejn ilmistednin li jixtiequ jaqsmu esperjenza memorabbli mal-maħbubin tagħhom f’Jum San Valentinu. Il-Love Flight popolari tal-Air Malta reġgħet magħna, madankollu, din id-darba, il-linja tal-ajru mhux se toffri biss vjaġġ fuq Sqallija bil-lejl. Din is-sena ċ-ċelebrazzjonijiet se jkomplu fil-belt affaxxinanti ta’ Comiso. Il-pakkett jinkludi ikla ta’ 6 platti f’Villa Orchidea li tinsab fir-reġjun ta’ Ragusa, magħruf għall-ikel tipiku tiegħu u għal ikel u nbejjed ta’ kwalità għolja. It-trasport lejn u mill-ajruport hu inkluż ukoll fil-pakkett. Il-programm speċjali jiswa biss €149 għal kull persuna u jinkludi merħba speċjali fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, arranġamenti ta’ Business Class u sorpriżi oħra, inklużi rigali kumplimentari minn sħab korporattivi.
Is-Sur Paul Sies, l-Kap Kummerċjali tal-Air Malta, ikkummenta li ”Kull sena li l-Air Malta organizzat Love Flight dejjem kellha suċċess straordinarju u l-biljetti kollha nbigħu fi ftit jiem biss. Il-pjan tagħna huwa li nibnu fuq dan is-suċċess u mmorru pass oltre fil-mod kif nittrattaw lill-mistednin tagħna. It-tim tagħna rnexxielu jibni programm merviljuż li nittamaw li se jisboq l-aspettattivi tal-mistednin tagħna. Nixtieq nirringrazzja b’mod partikolari lill-Ajruport ta’ Comiso, lajruport Sqalli li bdejna ntiru lejh minn Diċembru li għadda, li qed jgħinna norganizzaw dan l-avveniment. Comiso u ż-żona kollha ta’ Ragusa huma magħrufin speċjalment għall-ikel u għall-ospitalità tagħhom, u ninsab ċert li l-mistednin tagħna se jkollhom sorpriża sabiħa bil-programm li organizzajna.”
Il-Love Flight tal-Air Malta qiegħda tiġi appoġġjata mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, l-Ajruport ta’ Comiso, Villa Orchidea, Romano Cassar Florists, Chemimart, INGLOT Malta u Baci Perugina. Aktar informazzjoni hi disponibbli fuq www.airmalta.com/love-flight . Il-koppji interessati jistgħu jibbukkjaw il-biljetti tagħhom permezz taluffiċċju tal-bejgħ tagħna fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jew fuq 22999620.