Il-festa ta’ Santa Marija.
Jum fejn bosta Maltin igawdu ħin rilassanti mal-familja, iżda għall-bosta dilettanti tan-nar, dan hu jum uniku, fejn minn filgħodu sa filgħaxija jgħaddu l-ħin jagħtu spettakklu tan-nar tal-ajru wara l-ieħor.
ONE News żar il-lokalità tal-Imqabba u ltaqa’ mad-dilettanti tan-nar mis-Soċjetà Santa Marija.
Sandro Ghigo spjegalna kif minkejja li dan iż-żmien m’għadux dak li kien qabel minħabba l-pandemija, xorta jsiru ċelebrazzjonijiet bil-logħob tan-nar skont il-miżuri tas-saħħa.
Huwa qalilna, “Nagħmlu dak kollu li nistgħu bir-restrizzjonijiet kollha, nuqqas ta’ nies, allura jiġifieri taħraq xogħol limitat imma nagħmlu li nistgħu għax dak huwa d-delizzju tagħna, u jekk ma niġux naqra hawn aħna, qisha ma tkunx festa għalina.”
Żied jgħidilna kif ilu dilettant tan-nar ħajtu kollha, u dan il-jum ikun mistenni matul is-sena kollha sakemm isiru l-preparazzjonijiet tal-festa.
Fil-fatt qal li x-xogħol fuq l-ispettaklu tan-nar tas-sena d-dieħla se jibda daqs tliet ġimgħat oħra.
Meta mistoqsi dwar dak li jixtieq jara bħal daż-żmien sena, huwa kellu biss tama waħda; li kollox jgħaddi b’wiċċ il-ġid, sabiex tkun tista’ tiġi ċċelebrata l-festa bil-brijju kollu assoċjat magħha.
Huwa sostna: “Aħna nittamaw li s-sena d-dieħla jekk Alla jrid forsi l-affarjiet imorru lura għan-normal u nagħmlu l-festa kif imdorrijin nagħmluha s-soltu.”
Huwa għalaq b’messaġġ għall-Maltin u l-Għawdxin kollha, b’mod speċjali lil dawk kollha li jkunu qed jistennew din il-festa matul is-sena kollha: “Il-festa t-tajba lil kulħadd, lil kull min qed jiċċelebra, il-Qrendi, Ħal Għaxaq, il-ġirien tagħna msomma, il-Mosta u kulħadd.”