Minn din is-sena l-Partit Laburista se jkun qed jagħti lill-ħaddiema tiegħu ġurnata leave għal kull festa pubblika li tinzerta fi tmiem il-ġimgħa.
Id-deċiżjoni ttieħdet għax il-Partit Laburista jrid jibgħat messaġġ b’saħħtu favur din il-miżura li l-gvern beda jintroduċi b’mod gradwali minn din is-sena. Dan wara li kienet imwiegħda fil-manifest elettorali l-Aqwa Żmien ta’ Pajjiżna.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Dr Randolph De Battista, fisser kif hemm messaġġ ċar x’jintbagħat b’dan il-pass.
“Il-gvern, kif wiegħed il-Partit Laburista qabel l-elezzjoni ġenerali, qed jintroduċi din il-miżura b’mod gradwali. Iżda, il-Partit Laburista ried jibgħat messaġġ b’saħħtu favur il-prinċipju billi minn din is-sena stess se jagħti lill-ħaddiema tiegħu jum leave għal kull festa, f’dan il-każ erbgħa,” qal De Battista.
De Battista żied li fi żmien meta l-ekonomija tinsab għaddejja minn mument b’saħħtu l-ħaddiem għandu jgawdi wkoll il-frott.
“Il-messaġġ hu li jekk nistgħu ngħamluha aħna, partit li jiddependi fuq id-donazzjonijiet u ħafna volontarjat, aħseb u ara kemm jistgħu jgħamluha dawk il-kumpaniji li qed igawdu mill-ekonomija b’saħħitha,” qal De Battista fi stqarrija li ħareġ il-Partit Laburista fejn kompla jtenni li kif bħal drabi oħra l-Partit Laburista qed imexxi bl-eżempju, bħal fil-każ tal-marka ta’ ugwaljanza tal-NCPE, bil-Partit Laburista jkun l-uniku partit li kwalifika għaliha.
Fuq kollox dan l-eżempju għandu jkun ukoll ta’ messaġġ għall-gvern biex ikompli bid-diskussjonijiet li għandhom iwasslu biex hu wkoll jimplimenta din il-miżura b’mod sħiħ mill-iktar fis.