Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għas-suċċess miksub fl-attivitajiet ta’ Jum l-Omm. Justyne Caruana spjegat li għal darb’oħra l-Ministeru għal Għawdex ħadem biex ħoloq avveniment f’Għawdex li għalih attendew bosta nies u ta spinta lit-turiżmu intern.
Hekk kif Għawdex ġie mżejjen għall-okkazzjoni kemm bit-tiżjin fir-roundabout kif ukoll f’Villa Rundle, inħolqot atmosfera partikolari ħafna. Dan permezz ukoll ta’ suq li serva ta’ vetrina għall-artiġjanat Għawdxi fejn l-artiġjani lokali wrew kif jiġi magħmul il-prodott awtentiku Għawdxi. Ittellgħu diversi attivitajiet għat-tfal u għall-familja kollha kif ukoll esibizzjonijiet artistiċi fir-Rabat fosthom Bozzetti fil-Banca Giuratale, Etchings (Edourd Manet) fis-sala tal-Ministeru għal Għawdex kif ukoll wirja kollettiva ta’ diversi artisti Għawdxin fil-kunvent ta’ San Frangisk.
Il-Ministeru għal Għawdex ukoll organizza quddiesa fis-Santwarju Ta’ Pinu għall-ommijiet anzjani u morda li għaliha wkoll attendiet il-Ministru Justyne Caruana.
Tmiem il-ġimgħa ddedikat għal Jum l-Omm hija inizjattiva ġdida u hija parti minn programm ta’ avvenimenti tematiċi biex ikunu ta’ attrazzjoni għal dawk li jiġu Għawdex hekk kif ukoll bħalissa Għawdex qed jipprepara għall-avveniment tas-sena – Gozo Alive.
Il-programm sħiħ ta’ Gozo Alive jista’ jinkiseb minn fuq is-sit visitgozo.com
Ritratt – MGOZ