F’jum deskritt bħala wieħed ta’ tama, ġie ffirmat ftehim biex ir-Russja terġa’ tagħti aċċess għall-esportazzjoni tal-qamħ mill-Ukrajna, mill-Baħar l-Iswed.
Dan il-ftehim ġie ffirmat il-Ġimgħa waranofshinar f’Istanbul, bejn l-Ukrajna u r-Russja, fil-preżenza tal-President Tork, Recep Tayyip Erdogan u s-Segretarju tal-Ġnus Magħquda, Antonio Guterres.
Mument sinifikanti kien meta l-Ministru għall-Infrastruttura tal-Ukrajna u l-Ministru tad-Difiża tar-Russja ħadu b’idejn xulxin wara li ffirmaw il-ftehim – mument li ntlaqa’ b’ċapċip.
Intant, mal-aħbar li kienu se jiġu aċċessati għoxrin miljun tunnellata ta’ qamħ mill-Ukrajna, il-prezz tal-qamħ fis-swieq internazzjonali beda jaqa’.
L-Ukrajna huwa l-akbar pajjiż fid-dinja li jipproduċi l-qamħ u r-Russja kienet qed timblokka l-aċċess għall-esportazzjoni.
Din is-sitwazzjoni kienet wasslet biex jogħlew il-prezzijiet tal-ikel, fosthom tal-ħobż u l-għaġin madwar id-dinja, filwaqt li miljuni kienu f’riskju li jispiċċaw ibatu l-ġuħ.
Iż-żejt tat-tisjir u l-fertilizzant ukoll raw żieda fil-prezz minn mindu faqqgħet il-gwerra fl-Ukrajna, u qed jingħad kif dan il-ftehim jista’ jħalli lil dawn il-prodotti ukoll, jiġu esportati b’mod faċli.
Mumenti qabel l-iffirmar, is-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, Antonio Guterres iddeskriva dan il-pass bħala qbil għad-dinja kollha, u tenna kif dak li qed naraw illum se jtaffi mill-kriżi tal-ikel kkawżata mill-Gwerra fl-Ukrajna.
Qal, “This is an agreement for the world; it will bring relief for the developing countries on the edge of bankruptcy and the most vulnerable people on the edge of famine. It will help to stabilise global food prices which were already at record levels even before for the developing countries. The shipment of grain and food stocks into world markets will help bridge the global supply gap and reduce pressure on our prices.”
Fid-diskors tiegħu bil-lingwa Torka, Erdogan li serva bħala medjatur ewlieni f’dan il-ftehim, ukoll innota kif il-kriżi globali tal-ikel se tkun qed tittaffa.
Qal, “We will continue together to preventing the danger of hunger that billions face from all over the world, ensuring world security of supply in agriculture land is important for many aspects.”
Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Bdiewa fl-Ukrajna qal kif għaddejja ħidma biex il-bdiewa jipproċessaw il-qamħ u jkunu jistgħu jesportawh ħalli jkunu jistgħu jerġgħu jaħdmu r-raba’ għal kunsinji oħra.
Intant, it-Turkija qalet li se tkun qed tispezzjona l-bastimenti minħabba biża’ ta’ traffikar tal-armi.
L-Unjoni Ewropea laqgħet dan il-ftehim, u r-rappreżentant għoli Josep Borrell, qal li l-qbil tal-lum huwa pass fid-direzzjoni t-tajba u sejjaħ għall-implimentazzjoni immedjata tiegħu.