Illum huwa meqjus jum deċiżiv għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.
Fis-sebgħa ta’ filgħaxija mistenni jitlaqqa’ grupp parlamentari fid-Dar Ċentrali fejn Delia mistenni jaffaċċja vot ta’ fiduċja.
Fost il-gruppi taż-żewġ fazzjonijiet tal-Partit Nazzjonalista qed tiġri l-kelma li llejla se jiżviluppaw l-affarijiet dwar it-tmexxija.
Filwaqt li bosta deputati minn dawk l-imsejħa l-eroj il-blu bdew jikkonfoffaw fuq kif se jtajru lil Delia, in-nies li għadhom leali lejn il-Kap beda jingħadda messaġġ biex illejla jinżlu quddiem l-istamperija u juru li huma wara l-Kap Adrian Delia u mhux se jerħu r-riedni tal-partit kif ġib u laħaq.
ONE News żvela kif fis-sigħat li ġejjin, il-grupp parlamentari Nazzjonalista se jkun qed jisfiduċja lil Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.
Dan wara l-aħħar rapport tat-Times li wera komunikazzjoni kontinwa mas-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech, wara li sar magħruf li huwa s-sid tal-kumpanija 17 Black.
ONE News żvela wkoll li numru ta’ deputati qed jikkonffofaw ma’ nies b’karigi għoljin fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista biex Adrian Delia jitneħħa minn Kap.
Matul il-jum tat-Tnejn saru numru ta’ laqgħat bi tħejjija għal din il-laqgħa tal-grupp parlamentari.
Dawn il-laqgħat saru bejn bosta deputati minn wara dahar il-Kap Adrian Delia u kien hemm uħud li qalulna li din hija azzjoni ċara ta’ tradiment kontra l-Kap.
ONE News żvela wkoll li d-deputati diġà għandhom isem ta’ min jieħu post Adrian Delia u dan huwa wieħed minn fost il-membri parlamentari Nazzjonalisti.
Is-sorsi ta’ ONE News fid-Dar Ċentrali qalu li dan qed isir biex jiġu evitati aktar kumplikazzjonijiet u b’hekk il-magħżul tad-deputati Nazzjonalisti jkun jista’ jsir Kap tal-Oppożizzjoni minnufih.