Il-Malta National Electromobility Platform fi ħdan Transport Malta qed torganizza diversi inizzjattivi u attivitajiet marbuta mal-Ġimgħa Ewropea Tal-Mobbilta’ li qed tiġi organizzata bejn is-16 u t-22 ta’ Settembru. It-tema għal din is-sena hija “Mobbilta’ Intelliġenti. Ekonomija b’Saħħitha”. It-tema torbot mal-għaqda li hemm bejn it-trasport u l-ekonomija billi pjanar u trasport intelliġenti jiffranka l-flus u jgħin fit-tkabbir ekonomiku.
Jum Nazzjonali mingħajr karozzi fit-18 ta’ Settembru
Il-Jum Nazzjonali mingħajr karozzi ser jiġi ċċelebrat il-Ħadd 18 ta’ Settembru. F’dan il-jum iċ-ċittadin għandu jieħu l-opportunita’ biex jipprova mezzi differenti tat-trasport bħal trasport pubbliku, is-servizzi bil-baħar, ċikliżżmu u mixi. Il-Valletta Ferry Services qed joffri prezzijiet imraħħsa f’dan il-jum.
F’dan il-jum ser tiġi organizzata kompetizzjoni ta’ Triathlon, esebizzjoni ta’ proġetti mill-istudenti ta’ SkolaSajf, tlielaq tal-ġiri u attivitajiet diversi.
Immaniġġjar tat-traffiku: Triq Sant’Anna l-Furjana ser tkun magħluqa għat-traffiku bejn it-8.00 ta’ filgħodu u l-5.00 ta’ waranofsinhar. It-traffiku lejn il-Furjana u l-Belt ser jgħaddu minn Triq Sarria. It-traffiku li ħiereġ il-barra mill-Belt ser jgħaddi minn Triq il-Kapuċċini u/jew mit-Telgħa tal-Kurċifiss. Parkeġġ fi Triq il-Kapuċċini kantuniera mat-Telgħa tal-Kurċifiss u kantuniera mal-Pjazza E.S. Tonna mhux ser ikun permess.
It-tielet edizzjoni tal-Ġirja Nazzjonali bir-Rota ser issir fil-21 ta’ Settembru
Din se ssir fil-21 ta’ Settembru, f’Jum l-Indipendenza. Ir-reġistrazzjoni għal din l-attivita’ hija bla ħlas u ser issir fl-istess ġurnata fit-8.00 ta’ filgħodu fil-parkeġġ quddiem il-Ministeru tat-Trasport u l-Infrastruttura. Il-Ġirja bir-roti ser tibda minn dan il-parkeġġ fit-8.30 ta’ filgħodu u tispiċċa għall-ħabta tal-11.30 ta’ filgħodu fl-istess post. Transport Malta ser tipprovdi akkumpanjament ta’ vetturi li jaħdmu bl-elettriku. Il-parteċipanti ser jingħataw flokk filwaqt li erbgħa mill-parteċipanti ser ikollhom l-opportunita’ li jirċievu għajnuna finanzjarja biex jixtru rota li taħdem bl-elettriku.
Jum Dinji mingħajr karozzi fit-22 ta’ Settembru
Il-Kunsill Lokali tal-Belt u Transport Malta, iħajjru l-kunċett ta’ Car Pooling. Għalhekk, f’dan il-jum, vetturi b’żewġ passiġġieri jew aktar u xufier biss ser jitħallew jidħlu fiż-żona CVA. Din ma tapplikax għar-residenti li għandhom permess jidħlu l-Belt, għat-trasport pubbliku, taxis u servizzi t’emerġenza. L-arranġament eżistenti għal delivery service mhux ser jiġi affettwat.
F’din il-ġurnata dħul għal ġewwa l-Belt ser ikun ristrett bejn id-9.00 ta’ filgħodu u l-5.00 ta’ waranofsinhar.
Dawn il-Kunsilli Lokali u Għaqda tal-Banda qed jorganizzaw attivitajiet diversi. Aktar dettalji jinkisbu mill-organizzaturi rispettivi:
- Kunsill Lokali Ħad-Dingli bejn is-16 u t-22 ta’ Settembru
- Kunsill Lokali San Lawrenz Għawdex bejn is-16 u t-22 ta’ Settembru
- Kunsill Lokali Għarb Għawdex fit-22 ta’ Settembru
- Kunsill Lokali Bormla fit-22 ta’ Settembru
- Kunsill Lokali Kalkara bejn is-16 u t-22 ta’ Settembru
- Our Ladies of the Lilies Band Club fit-22 ta’ Settembru