Il-kelliema tal-Oppożizzjoni għall-arti u l-kultura, id-Deputata Julie Zahra, f’artiklu fil-Malta Independent on Sunday, ipprovat tagħti l-impressjoni li l-programm popolari ‘Love Island’ qed jintwera bħalissa apposta minħabba li għaddejja kampanja elettorali.
Fil-fatt kitbet li ma taħsibx li dan sar b’kumbinazzjoni u li tħoss li meta kull darba l-pajjiż jgħaddi minn mument jeħtieġ spezzjoni fil-fond, xi ħaġa straordinarja tad-divertiment malajr titnieda.
Jirriżulta li l-programm ‘Love Island’ ilu mħabbar li se jkun f’Mejju ta’ din is-sena sa mit-tieni nofs tas-sena li għaddiet, liema deċizjoni ttieħdet mingħajr ebda intervent tal-Gvern, imma tirrifletti deċizjonijiet kummerċjali ta’ kumpaniji privati.
Iżda l-kelliema tal-Partit Nazzjonalista kompliet li, meta l-Belt saret Kapitali Ewropea tal-Kultura fl-2018, dan ukoll kien imfassal biex jaljena lin-nies dak li kien għaddej fil-pajjiż.
Dan meta kien Gvern Nazzjonalista stess li, fl-2012, permezz tal-Ministru Mario de Marco, mexxa l-proċess biex il-Belt tkun il-Kapitali tal-Kultura fl-2018.
Sadanittant dwar il-kontestanti ta’ ‘Love Island’, Julie Zahra qalet li dawn huma grupp ta’ eżempji umani impressjonanti u, waqt li se jkun diffiċli għaliha li tikkompeti ma’ Kyannah, Kyonne u Kyra, tħoss li se tkun kapaċi tagħmel aħjar minnhom.