Id-deputat tal-Partit Nazzjonalista Julie Zahra ma titlifx okkażjoni biex tikkritika s-settur kulturali, iżda din id-darba spiċċat anke fil-mira tal-kritika ta’ fergħa tal-Partit Nazzjonalista.
Dan seħħ minħabba kummenti li, fi kliem uffiċjali ta’ din il-fergħa, urew nuqqas ta’ għarfien min-naħa tagħha. Ma kinitx biss din il-fergħa li ċanfret lil Zahra wara li, fil-paġna tagħha fuq il-Facebook, Zahra ħarġet tattakka liż-ŻiguŻajg, festival internazzjonali tal-arti għat-tfal u ż-żgħażagħ, għal inizjattiva maħsuba biex, permezz tal-arti u l-kreattività, tippromwovi l-inklużività u l-apprezzament tad-diversità.
Kienu mhux biss għaqdiet mhux governattivi u individwi – fosthom persuni LGBTIQ+ u għalliema – li kkritikaw bl-aħrax lil Julie Zahra pubblikament, iżda anki l-President tal-Forum Opportunitajiet Indaqs Partit Nazzjonalista (l-FOIPN). F’kumment li tella’ fil-paġna ta’ Zahra fuq il-Facebook, il-President tal-Forum, Jamie Vella, ċanfarha talli lanqas biss indenjat ruħha titkellem ma’ dan il-forum tal-PN qabel ma għamlet l-istqarrijiet li għamlet.
“Hija x-xewqa sinċiera li l-uffiċjali kollha tal-Partit jagħmlu użu aħjar min din ir-riżorsa (l-FOIPN) qabel ma jsiru ċerti stqarrijiet,” sostna Vella. Din l-istqarrija hija turija ċara tal-frustrazzjoni tal-FOIPN għal kif li dan il-forum – li kien twaqqaf biex il-PN jipprova jikseb kredibbiltà ma’ minoranzi bħall-komunità LGBTIQ+ li, kemm mill-Gvern kif ukoll mill-Oppożizzjoni, qatt ma kienu prijorità għalih – spiċċa emarġinat hu stess fi ħdan il-Partit.
Jamie Vella mbagħad ikkritika wkoll lil Julie Zahra talli d-dikjarazzjoni li għamlet fil-konfront tax-xogħol tal-artisti kienet nieqsa mis-sensittività u mhux infurmata biżżejjed. Fl-istess nifs, reġa’ poġġa subgħu fuq il-ferita tan-nuqqas ta’ djalogu u teamwork fi ħdan il-PN.
“Kif għamilniha ċara ripetutament – fl-ispirtu tad-djalogu u tat-teamwork – bħala forum aħna aktar milli disposti biex noffru s-servizzi tagħna lid-deputati kollha li jridu jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet permezz ta’ lingwaġġ aktar sensittiv u infurmat aħjar,” karab Vella.
Dan l-episodju reġa’ wera biċ-ċar mhux biss in-nuqqas ta’ sens ta’ kollaborazzjoni interna fi ħdan il-PN, iżda wkoll in-nuqqas ta’ tħejjija. Tant hu hekk, li Julie Zahra nnifisha ammettiet fuq il-midja soċjali li kienet tkellmet dwar dan il-programm taż-Żigużajg meta “kopja tal-iscript m’għandniex u allura ma nistax nikkummenta fid-dettall u b’mod infurmat”.
Din mhux l-ewwel darba li dan seħħ. Ftit ġimgħat ilu, Zahra għamlet mistoqsija parlamentari li fiha staqsiet min jorganizza l-kunċert popolari annwali Rockestra minkejja li, f’Awwissu li għadda, kienet preżenti u tkellmet fit-tnedija tal-aħħar edizzjoni ta’ dan il-kunċert organizzat mill-Uffiċċju tal-President b’għan filantropiku.
L-inizjattiva taż-Żigużajg li ħarġet tattakka Julie Zahra jisimha ‘Gender Boss’, u hija maħsuba biex tiffoka fuq l-aċċessibbiltà u l-inklużività għal kulħadd, huma x’inhuma r-razza, l-etnija, ir-reliġjon, is-sess, jew l-orjentazzjoni sesswali tagħhom.
Fi tweġiba pubblika biex tiġi ċċarata l-“interpetazzjoni alternattiva” li setgħet twassal għaliha l-istqarrija ta’ Julie Zahra dwar l-għan ta’ din l-inizjattiva kulturali, l-organizzaturi għamluha ċara li dan il-proġett bl-ebda mod mhu intiż biex jikkundizzjona lil xi ħadd jew jikkomprometti l-identità tal-ġeneru ta’ xi ħadd. Mhux talli mhux hekk, talli din l-inizjattiva hija mfassla minn artisti li jafu xogħolhom u li ż-Żigużajg diġà ħadem magħhom dwar temi simili fil-passat, b’assistenza minn esperti fil-qasam, sabiex fis-soċjetà jkun hawn aktar nies li japprezzaw u jifhmu d-diversità permezz tal-arti u l-kreattività.
“Bħala parti minn xogħolna, għanda esperjenza twila fl-iżviluppar ta’ programmi għat-tfal u għaż-żgħażagħ fuq suġġetti simili u topiċi ħafna b’livell għoli ta’ responsabbiltà u integrata,” qalu l-organizzaturi.