Inizjattiva sportiva b’għan nobbli mill-atleta paralimpiku Julian Bajada li fit-28 ta’ Ġunju se jkun qed jieħu sehem maratona ta’ Indoor Rowing sabiex jiġbor fondi għall-Kumitat Paralimpiku u fl-istess ħin iqajjem aktar għarfien dwar l-isport paralimpiku f’Malta. L-attivita’ se ssir fi Piazzetta, f’Tas-Sliema.
L-avveniment se jsir proprju fil-ġurnata li fiha Bajada jagħlaq 28 sena. F’din l-attivita’ huwa se jaqdef għal 28 kilometru bla waqfin fuq ‘rowing machine’. Din se tkun l-itwal distanza li atleta paralimpiku qatt qadef f’pajjiżna.
Il-mira hi li jinġabru €28,000 u li bihom ikunu jistgħu jiġu mgħejjuna dawk il-persuni b’diżabilita’ fiżika li huma nteressati li jibdew ikunu attivi fl-isport paralimpiku. B’dawn il-fondi hemm il-ħsieb li jinxtraw dgħajjes u anke jitnieda programm li jrawwem atleti paralimpiċi f’dan l-isport.
F’dawn l-aħħar snin, Julian Bajada kien fost grupp ta’persuni li ta spinta lil-isport paralimpiku f’pajjiżna,anke bit-twaqqif tal-Kumitat Paralimopiku Malti. Kumitat li beda għadd ta’ inizjattivi u proġetti kif ukoll kuntatti internazzjonali.
Fost proġetti li qed jaħdem fuqhom hemm it-twaqqif tal-ewwel tim tal-qdif paralmipiku f’pajjiżna.