L-iskwadra Maltija tal-Judo, komposta minn Katryna Esposito (48kgs), u James Zahra (60kgs) akkumpanjati mill-kowċ, Aurelian Fleisz, vvjaġġaw lejn Dubrovnik biex jikkompetu fil-Euopean Cup ta’ Dubrovnik. Dan kien l-ewwel avveniment Ewropew għat-tim din is-sena.
F’dan l-avveniment, kien imiss lil Zahra biex jibrilla meta laħaq is-7 post minn 20 judoka minn 13-il pajjiż. Fi triqtu lejn il-kwarti tal-finali, Zahra l-ewwel elimina lil Cvek mill-Kroazja mal-art bi strangle. Ferro mill-Italja, li ilu fit-tour mill-2015, kien imiss. Zahra kien qed jitlef sa 5 sekondi minn tmiem il-logħba, iżda peress li l-perseveranza hija waħda mill-ħiliet tiegħu, James ma qatax qalbu, u tefa’ lil Ferro b’O-Soto-Gari (teknika bis-saqajn) sabiħa, biex ġab l-iskor indaqs. Il-logħba marret fil-golden score għal minuta u 42 sekonda oħra. Kien Zahra li ħareġ rebbieħ, meta reġa’ tefa’ lil Ferro b’O-Soto-Gari oħra.
Li jmiss kien Ferguson mill-Gran Brittanja għall-logħba tal-kwarti tal-finali. Il-logħba kienet wieħda bilanċjata u marret fil-golden score għal 2 minuti u 38 sekonda. Fl-aħħar, kien Ferguson li tefa’ lil Zahra. Ferguson kompla jirbaħ sal-partita finali, fejn eventwalment spiċċa fit-2 post. Zahra mbagħad kellu t-tieni ċans tiegħu permezz tal-logħob tar-repechage. L-ewwel kompetizzjoni hawnhekk kienet kontra s-Serb Ledjanski, li qabel kien tilef ukoll kontra Ferguson. Zahra għamel sensiela ta’ attakki sbieħ fl-ewwel 3 minuti tal-logħba, biex spiċċaha b’Ippon sabiħ (punti sħaħ).
Zahra issa kien pass mill-logħba tal-bronż, u ffaċċja lil Weling mill-Olanda. Sfortunatament, Weling tefa’ darbtejn lil Zahra biex b’hekk spiċċa l-logħba b’wazari-awasate-ippon (2 wazari (it-tieni l-ogħla punteġġ) li huma ekwivalenti għal ippon). Tistgħu taraw il-punti ewlenin mil-logħob fuq: https://youtu.be/Xm5lYs_avL0
Il-federazzjoni hija kuntenta ħafna li diġà qed tara progress fit-tim tagħha, grazzi għad-dedikazzjoni u l-professjonalità li għamel il-kowċ Aurelian Fleisz f’dawn l-4 xhur li ilu mal-iskwadra, u l-ħidma u s-sagrifiċċji immensi li jagħmlu t-timijiet tal-kbar u taż-żgħar. L-impenn li jmiss tat-tim huwa t-Tazza Ewropea ta’ Sarajevo il-ġimgħa d-dieħla.