Aktar suċċessi internazzjonali għall-judoka maltija Katryna Esposito hekk kif fi tmiem il-ġimgħa rebħet midalja tal-fidda waqt l-African Open f’Algiers.
Esposito kienet qed tikkompeti fil-kategorija 48 kg u fil-fażi finali tal-kompetizzjoini tilfet kontra t-tuneżina Oumaima Bedioui.
Bir-riżultat tagħha, Malta spiċċat fil-ħames post tal-klassifika ġenerali minn total ta’ 19-il pajjiż.
Ta’ nota l-fatt li għal Esposito dan kien l-ewwel suċċess minn mindu rritornat għal-kompetizzjonijiet wara operazzjoni u riabilitazzjoni li għamlet ftit tax-xhur ilu.
Waqt l-African Open, Esposito kienet akkumpanjata mill-kowċ nazzjonali Aurelian Ciprian Fleisz u l-uffiċjal tal-Assoċjazzjoni Judo Ivan Esposito.
Intant judoka ieħor malti fl-azzjoni fi tmiem il-ġimgħa kien James Zahra li waqt is-Szeged Hungarian Cup spiċċa fit-tieni post .