Id-Dentist u eks Deputat Nazzjonalista Jeffrey Pullicino Orlando tkellem fuq l-attitudni tal-Membru Parlamentari Ewropew tal-Partit Nazzjonalista David Casa, li ħareġ jattakka lid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne mal-mument li ħarġet l-aħbar li hu n-nominat tal-Gvern Malti għall-Parlament Ewropew.
Pullicino Orlando qal li dan hu atteġjament li jdejjaq lilu u lil Maltin oħrajn.
Qal, “Kif tħabbar li l-Onorevoli Chris Fearne, żgur li jixraqlu u żgur li jagħmlilna ġieħ jekk jingħata l-inkarigu ta’ Kummissarju Ewropew. Boom. Ħareġ, ħataf l-opportunità l-MEP David Casa biex jgħid ‘Isma’, ħa jkollok biċċa xogħol kbira’.”
Pullicino Orlando qal li kien jippretendi li Membru tal-Parlament Ewropew f’isem Malta kellu joħroġ jgħid kif se jgħin lin-nominat Malti. Hawn tkellem ukoll fuq il-kwalitajiet tad-Deputat Prim Ministru.
Qal, “Flok ra kif għamel, jgħid ara għandna Malti issa ħa jippreżenta lilu nnifsu, Malti validissimu, nista’ nattesta x-xogħol kbir ħafna li għamel Mr Chris Fearne anke fuq livell internazzjonali, meta nitkellmu fuq WHO, pereżempju, enormi fuq livell internazzjonali. Żgur ħa jagħmel ġieħ lil pajjiżna. U li inti ma titfax l-enerġija, l-entużjażmu u s-sapport tiegħek warajh sempliċiment għax jiġi mill-kamp politiku oppost, hu wieħed mill-fatturi li iva jnaffru mhux biss liż-żgħażag, imma anke faxxa dejjem tikber, u hi inkwetanti li qed tikber, ta’ votanti Maltin.”
L-eks Deputat Nazzjonalista fakkar kif il-Partit Laburista dejjem aġixxa differenti meta kien hemm nomini ta’ Maltin barra l-pajjiż. U għalhekk id-diżappunt f’ċirkostanzi bħal dawn.
Qal, “Ħa nerġa’ ngħid b’diżappunt, tad-dikjarazzjoni li għamel l-MEP David Casa meta ġie mħabbar li ħa nippromwovu lil Mr Chris Fearne bħala l-Kummissarju li jmiss f’Ġunju. L-ewwel ħaġa li għamel dan x’ħin qam filgħodu kien li ddikjara li ħa jsibha diffiċli Chris Fearne minħabba l-passat u r-relazzjonijiet mal-Vitals u mhux Vitals. Li żgur, ħa nerġa’ ngħidlu, if anything, Chris Fearne ra kif għamel biex mexxa s-settur altru milli ’l quddiem. U żgur li kull min mess mas-settur f’dawn l-aħħar snin jaf ix-xogħol kbir li sar minn Chris Fearne fis-settur tas-saħħa. Din it-tip ta’ negattività hi li tnaffar lin-nies mill-politika.”