Id-dentist Jeffrey Pullicino Orlando ressaq protest ġudizzjarju fil-konfront ta’ numru ta’ entitajiet b’rabta mal-mod kif tagħrif dwaru jispiċċa fil-blogs.
Filwaqt li emfasizza li l-ġurnalist għandu jkun liberu qal li spiċċa fil-mira ta’ ċerti stejjer li kull ma rrapportaw dwaru kien li qed fuq btala jew jiekol f’restaurant partikolari mas-sieħba u xi ħbieb. Kien id-dawl ta’ dan li fetaħ il-protest kontra l-kumpaniji tat-telefonija GO, Vodafone u Melita kif ukoll fil-konfront tal-Ministru tat-Telekomunikazzjoni, l-Awtorità Maltija għall-Komonikazzjoni.
Permezz ta’ dan il-protest Pullicino Orlando talab li stejjer ta’ dan it-tip għandhom ikunu ċċensurati għaliex ma jxekklux il-ħelsien tal-ġurnalist fid-dawl li mgħandhom ebda valur ġurnalistiku. Fil-fatt argumenta li stejjer bħal dawn żgur li ma’ għandhom ebda valur ġurnalistiku u jinkitbu biss bil-għan ewlieni u waħdani li joħolqu ‘annoyance’.
“Dan ġaladarba l-esponenti jkun akkumpanjat minn familjari jew ħbieb li mhumiex fil-ħajja pubblika f’dawn l-okkażjonijiet,” jingħad fir-rikors. Pullicino Orlando argumenta wkoll li dawn joħolqu problemi fil-konfront tiegħu, bħal meta jsiefer u l-proprjetà tkun esposta għal reati kriminali. Ir-rikors jgħid li GO p.l.c. u Vodafone [Malta] p.l.c. kienu ffirmaw ‘Code of Conduct for Electronic Content Provision by Electronic Communications Undertakings in Malta’ datat April 2010. Intqal li f’sezzjoni f’dan id-dokument bit-titlu ‘Menacing Content’ f’paġna 25 tal-istess Kodiċi, l-kumpaniji kienu qablu li materjal ta’ dan it-tip kif spjegat kellu jiġi ċċensurat.
“Sfortunatament jidher però li minkejja dan stejjer ta’ tip kif hawn esposti xorta waħda qed jitħallew jiġu trasportati fis-siti in kwistjoni,” jinnota r-rikors li hawn idaħħal bħala responsabbli wkoll l-awtoritajiet governattivi.
Il-Protest Ġudizzjarju kien iffirmat mill-avukati Veronique Dalli u Edward Gatt.