It-tabib Josie Muscat, li tiegħu huma l-isptarijiet St James u li parti minnhom hemm numru ta’ spiżeriji, ta ordni ċara kontra l-bejgħ tal-Morning After Pill. Dawk li jikkampanjaw kontra l-użu ta’ din il-pillola, li x-xjenza tgħid li mhix abbortiva, ikkonfermaw dan fil-paġna tagħhom fuq facebook.
Dan hekk ftit ġimgħat ilu l-morning-after pill bdiet tinbiegħ fl-ispiżeriji Maltin.
Kienet diskussjoni ma’ taqta’ xejn dik dwar il-morning-after pill, b’dawk favur u dawk kontra. Saru anke protesti favur morning-after pill mingħajr il-bżonn tar-riċetta tat-tabib.
Kienet l-Awtoritá tal-Mediċini li ħabbret id-deċiżjoni li l-morning-after pill se tkun tista’ tinxtara mingħajr il-preskrizzjoni tat-tabib. Fil-kummenti tiegħu l-Professur Anthony Serracino Inglott li jmexxi l-Awtorità Maltija tal-Mediċini qal li skont l-istudji li għamlet l-Awtoritá meta tapplikahom għal pajjiżna, hemm ċans li jekk wieħed jieħu din il-pillola bil-preskrizzjoni tat-tabib, tonqos l-effikaċja, jiġifieri l-effett primarju tal-morning-after pill, emerġenza għal raġuni, jintilef.