L-avukat Josianne Cutajar nediet il-kampanja tagħha għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew bl-ewwel attività fil-Pjazza taż-Żejtun bit-tema Kburin b’Pajjiżna.
Cutajar li hija l-iżgħar kandidata tal-Partit Laburista għal dawn l-elezzjonijiet, qalet li l-kampanja tagħha trid tgħaddi messaġġ ta’ empowerment, ta’ setgħa lill-iżgħar fost iż-żgħar.
Hija stqarret li l-fatt li ġejja minn Għawdex jgħinnha tifhem sew in-nuqqasijiet li jħabbtu wiċċhom magħhom l-aktar żgħar u enfasizzat li l-ħidma tagħha se tkun iffukata lejn Unjoni Ewropea li taħseb f’kulħadd u li tħares l-interessi tal-pajjiżi kollha inkluż fuq suġġetti sensittivi.
Josianne Cutajar poġġiet lin-nies fil-qofol tal-kampanja tagħha u għaldaqstant il-politika li se tkun qed tippreżenta matul din il-kampanja se tkun qed tiffoka fuq dawk il-bżonnijiet l-aktar relevanti għan-nies u l-familji.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat li indirizza lill-folla preżenti fiż-Żejtun faħħar ir-reżiljenza ta’ Josianne Cutajar li fi kliemu hija kwalità importanti ħafna f’Membru Parlamentari Ewropew b’mod speċjali meta bħal fil-każ ta’ Malta dan ikun qed jirrappreżenta pajjiż daqstant ċkejken.
Matul l-avveniment tkellmu l-akkademiku Norbert Bugeja li huwa magħruf għall-kontribut letterarju tiegħu u kif ukoll Maria Camilleri li tat u għadha tagħti kontribut politiku flimkien max-xogħol tagħha fil-qasam edukattiv f’pajjiżna.
Matul din il-ġimgħa Cutajar qed tkompli tiltaqa’ ma’ diversi għaqdiet fil-komunità qabel mat-tnedija tal-kampanja tilħaq il-milja tagħha f’avveniment ieħor f’Għawdex nhar is-Sibt.