Il-Membru Parlamentari Ewropea Josianne Cutajar iffurmat parti minn delegazzjoni tal-Kumitat tat-Trasport u t-Turiżmu tal-Parlament Ewropew f’sensiela ta’ laqgħat ta’ ħidma fuq tlett ijiem fil-gżira Portugiża ta’ Madeira.
Il-membri ta’ dan il-Kumitat żaru Madeira sabiex jesploraw il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ dawn is-setturi imsemmija f’wieħed mir-reġjuni l-aktar imbiegħda u bil-għan li jifhmu aħjar ir-realtajiet ta’ reġjuni bħal dawn.
Fi Stqarrija l-Ewroparlamentari Cutajar tenniet ukoll li hemm bżonn ta’ ħarsien lejn il-realtajiet ta’ gżejjer bħal Malta, Għawdex u Madeira fid-dinja ta’ wara l-Covid-19: mill-ispejjeż addizzjonali tat-trasport u l-importazzjoni sa nuqqas ta’ provvista, realtajiet li jridu jiġu ndirizzati sabiex naraw li ma jinġarrux miċ-ċittadini u n-negozji tagħna.
Huma iddiskutew l-isfidi li qed jaffaċċja s-settur tat-trasport u t-turiżmu, mhux biss minħabba l-effetti tal-COVID-19, imma wkoll fid-dawl tal-qalbiet ambjentali li rridu nagħmlu u s-sitwazzjoni internazzjonali, biż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija. Fost is-suġġetti diskussi kien hemm il-konnettività tar-reġjuni periferali, l-avjazzjoni u t-trasport bil-baħar aktar sostenibbli u l-pakkett ta’ liġijiet ambjentali Fitfor55.