Tliet snin u erbgħa xhur minn meta l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) iddikjarat il-COVID-19 bħala pandemija globali, il-MPE Josianne Cutajar enfasizzat l-importanza li ma ninsewx l-implikazzjonijiet, u l-mod kif imxejna fil-pandemija, anke waqt li d-dinja qed tkompli tadatta u tevolvi.
Fil-kapaċità tagħha bħala membru tal-Kumitat Speċjali tal-Parlament Ewropew dwar il-COVID-19, il-MPE Josianne Cutajar imbuttat bis-sħiħ sabiex fir-Rapport imħejji mill-istess Kumitat b’rakkomandazzjonijiet għall-futur, li ngħata appoġġ qawwi fil-plenarja ta’ din il-ġimgħa, jiġi rikonoxxut s-sehem importanti li taw il-ħaddiema essenzjali kollha.
Dr Cutajar għamlet referenza speċjali għall-ħaddiema tat-trasport u l-loġistika li wkoll baqgħu jaħdmu bla waqfien fl-eqqel tal-pandemija u li sehemhom mhux dejjem kien rikonoxxut daqs kemm mistħoqq.
“Il-ħaddiema tagħna fil-qasam tat-trasport u l-loġistika urew dedikazzjoni f’xogħlhom, huma u jiżguraw li l-ixkafef jibqgħu mimlija u l-mediċini meħtieġa, inkluż il-vaċċin, jaslu fid-destinazzjoni tagħhom,” qalet Dr Cutajar.
Barra minn hekk, il-MEP Cutajar faħħret l-enfasi tar-rapport fuq is-sehem importanti tat-teknoloġija li kienet essenzjali, mhux biss biex parti kbira mill-ekonomija tagħna tkompli għaddejja, iżda wkoll biex servizzi essenzjali bħall-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa jibqgħu għaddejjin.
Fl-aħħar nett, Josianne Cutajar laqgħet l-attenzjoni speċifika li ngħatat fuq l-impatt tal-pandemija fuq is-saħħa mentali u wkoll l-effett addizzjonali fuq in-nisa, punti li dwarhom ppreżentat diversi emendi b’suċċess.
“Din il-pandemija imponiet dmirijiet ta’ kura sproporzjonati fuq in-nisa, flimkien ma’ żieda fir-riskju ta’ abbuż domestiku, u dan ma jistax jintesa” ikkonkludiet il-MPE.