Il-membru Parlamentari Ewropew Maltija Josianne Cutajar ġiet magħżula mill-grupp tas-Soċjalisti Ewropej bħala rappreżentanta fil-plenarja għall-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa li qed titlaqqa’ llum fi Strasburgu.
F’konferenza preparatorja tal-S&D u l-PES, il-Partit Soċjalista Ewropew, qabel is-sessjoni plenarja tal-lum, Josianne Cutajar tenniet li hemm bżonn Ewropa li tkun ferm aktar inklussiva u soċjali, Ewropa li turi solidarjetà bil-fatti.
“Hemm bżonn li nersqu dejjem eqreb lejn iċ-ċittadini tagħna u għandna nużaw il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa bħala okkażjoni fejn nisimgħu iżda fuq kollox naġixxu. Għandna bżonn Ewropa li ma tħalli l-ebda pajjiż, l-ebda reġjun u l-ebda persuna taqa’ lura” stqarret Dr Cutajar.
Il-MPE Maltija qalet li l-Ewropa għandha tkun hemm għall-ħaddiema, għal dawk vulnerabbli u għal dawk li jinsabu fil-periferija tal-Ewropa.
“L-Ewropa fuq kollox trid tkun hemm għal dawk il-persuni li qed jiġu diskriminati bħal ma ġara fl-Ungerija din il-ġimgħa, b’liġi diskriminatorja kontra l-komunità LGBTIQ” saħqet Josianne Cutajar.
Fl-aħħarnett Cutajar qalet li bħala grupp tas-Soċjalisti hemm bżonn li ssir ħidma ħalli jkunu ferm aktar viċin iċ-ċittadini rispettivi u ħalli tinġieb differenza pożittiva u reali fil-ħajja tan-nies.