L-Ewroparlamentari Laburista Josianne Cutajar kellha sensiela ta’ laqgħat ma’ stakeholders ewlenin fl-industrija tal-avjazzjoni, inkluż mal-Air Malta, b’rabta mal-isfidi li qed taffaċċja l-industrija tal-avjazzjoni.
Huma ddiskutew, fost l-oħrajn, in-nuqqas ta’ ħaddiema fl-industrija tal-avjazzjoni, dewmien, kanċellazzjonijiet u bagalji mitlufa – realtajiet attwali li ħasdu lill-industrija tal-avjazzjoni Ewropea.
Ftit jiem ilu, il-MPE Cutajar żiedet il-pressjoni tagħha fuq il-Kummissjoni Ewropea biex tindirizza dan ix-xenarju. Fil-fatt, il-MPE staqsiet mistoqsija formali lill-Kummissjoni Ewropea, fejn ħeġġet lill-Kummissjoni biex timpenja ruħha flimkien mal-istakeholders kollha sabiex tħejji pjan ta’ kontinġenza, tniedi investigazzjoni dwar prattiċi inġusti, u wkoll biex tinvestiga jekk in-nuqqas ta’ ħaddiema hux qed jirriżulta f’inqas sigurtà.
Il-MPE saħqet ukoll fuq il-fatt li l-Kummissjoni teħtieġ li tipproteġi n-nies li ġejjin minn żoni remoti, inklużi gżejjer u reġjuni periferali, li huma limitati ġeografikament fejn jidħlu l-għażliet tal-ivvjaġġar, u li l-moviment ħieles tagħhom jista’ jiġi mfixkel.
Intant, il-MPE Cutajar mexxiet ukoll dan il-punt ‘il quddiem mal-kollegi tagħha fil-Parlament Ewropew, bil-pressjoni tagħha tkun effettiva biex tiżgura laqgħa bejn il-Kumitat tat-Trasport (TRAN) tal-Parlament u l-Kummissjoni Ewropea, liema laqgħa se ssir matul din il-ġimgħa. Il-MPE Cutajar stqarret, “Huwa essenzjali li l-Kummissjoni tinvolvi ruħha mal-istakeholders rilevanti kollha dwar din il-kwistjoni, madankollu, aktar milli kliem, bħala MPE li nirrappreżenta lill-gżejjer, irrid nara li tittieħed azzjoni. Ejja naraw li nattwaw verament dak li qed ngħidu.”