Dr Josianne Cutajar, kandidata għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Laburista, esprimiet ruħha favur id-dritt ta’ żgħażagħ li għandhom bejn 16 u 18-il sena li jikkontestaw l-elezzjonijiet, u mhux biss li jivvutaw. Fid-dawl ta’ hekk, hija ħeġġet lil Carlos Zarb, attivist ta’ 17-il sena, biex ikun l-iżgħar kandidat fl-istorja ta’ Malta.
Dan seħħ waqt il-laqgħa ta’ diskussjoni ‘Niltaqgħu fil-Pjazza’ li saret ġewwa Ħal Qormi, bit-tema prinċipali dwar iż-żgħżagħ.
Wara li s-sena li għaddiet inbidlet il-liġi elettorali biex ngħata d-dritt tal-vot lil żgħażagħ li għalqu 16-il sena, fil-jiem li ġejjin il-Parlament mistenni jivvota dwar id-dritt ta’ żgħażagħ tal-istess eta` biex jikkontestaw l-elezzjonijiet ukoll.
Waqt l-istess laqgħa, Dr Cutajar sostniet li d-dritt tal-vot lil adoloxxenti kien turija ċara tas-saħħa tad-demokrazija li ngħixu fiha. Hija turija wkoll ta’ kuraġġ li niftħu s-soċjeta` tagħna għal ideat ġodda, friski, u radikali. Hija sostniet li min għandu d-dritt li jivvota għandu jkollu d-dritt ukoll li jpoġġi lilu nnifsu għall-ġudizzju tal-elettorat, biċ-ċans li jikkontribwixxi fit-tmexxija.
Matul id-diskussjoni, li misset ma’ diversi temi relatati mal-komunità żagħżugħa, l-iżgħar kandidata f’isem il-Partit Laburista għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, Dr Josianne Cutajar, ipproponiet bidla importanti dwar il-pensjonijiet. Fil-preżent, il-kontribuzzjoni tas-sigurta` soċjali li jħallas ħaddiem Malti qabel jagħlaq 18-il sena ma tgħoddx għall-pensjoni.
Dr Cutajar sostniet li din hi inġustizzja, u li l-bolla li jħallsu ħaddiema żgħażagħ qabel jagħlqu t-18-il sena għandha tibda tgħoddilhom għall-pensjoni, biex verament nibdew inrawmu s-sens ta’ sostenibbiltà finanzjarja fiż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin.
Hija fissret li din hija l-parti li għandu jagħmel il-Gvern, filwaqt li ħeġġet liż-żgħażagħ biex jinfurmaw ruħhom u jfittxu prodotti ta’ tfaddil għal wara li jirtiraw, biex huma wkoll ikunu qed jagħmlu l-parti tagħhom biex jassiguraw sostenibbilta` finanzjarja fit-tul.
L-għadd imdaqqas ta’ żgħażagħ preżenti qajmu mistoqsijiet dwar is-saħħa mentali, il-qasam edukattiv, l-ambjent, u anke teknoloġiji ġodda li l-pajjiż qiegħed jesplora biex ikompli joħloq opportunitajiet ta’ impjiegi b’kundizzjonijiet tajbin għall-ġenerazzjonijiet tagħna tal-futur.
Dr Cutajar kienet ċara wkoll dwar l-importanza ta’ politika li tagħti valur aqwa lill-bilanċ bejn il-ħin tax-xogħol u l-ħin ta’ rikreazzjoni. Hija saħqet li ma nistgħux nistennew li l-adulti u l-ġenituri jkollhom dan il-bilanċ jekk fiż-żmien meta dawn ikunu studenti ma nrawmux fihom dak is-sens ta’ bilanċ bejn il-ħin tax-xogħol u l-ħin tal-mistrieħ.
In-nuqqas ta’ dan il-bilanċ joħloq ċiklu vizzjuż, saħqet Dr Cutajar, u dan għaliex mhux biss inaqqas il-produttività tal-individwu bħala ħaddiem, iżda jista’ faċilment iwassal għal problemi ta’ saħħa mentali, li jaffettwaw mhux biss lill-individwu, iżda lis-soċjetà b’mod ġenerali.