Dr Josianne Cutajar, kandidata għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Laburista, qalet li l-prattika tal-kaċċa u l-insib hija parti mill-wirt tradizzjonali tas-soċjeta` Maltija u Għawdxija.
Dan seħħ waqt il-laqgħa ta’ diskussjoni ‘Niltaqgħu fil-Pjazza’ li saret ġewwa r-Rabat, bit-tema tad-delizzji u t-tradizzjonijiet Maltin.
Dr Cutajar sostniet li qiegħda titkellem dwar dan is-suġġett għax temmen bis-sħiħ li l-kaċċa u l-insib huma parti mill-identità nazzjonali u l-patrimonju storiku ta’ pajjiżna. Id-delizzju li hu għal qalb bosta Maltin u Għawdxin ilu jiġi pprattikat b’metodi differenti għal mijiet twal ta’ snin fil-gżejjer tagħna u jeħtieġ li jiġi ppreservat għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.
Filwaqt li l-ORNIS committee aċċetta li jinfetaħ l-istaġun għas-summiena biss fir-rebbiegħa, huwa laqa’ proposta mressqa mill-FKNK sabiex ikun hemm aktar diskussjonijiet rigward il-ftuħ tal-kaċċa tal-gamiema fir-rebbiegħa fil-futur.
Fuq livell Ewropew, Dr Cutajar saħqet li filwaqt li hi konxja tal-limitazzjonijiet li jeżistu minħabba l-liġijiet u r-regoli Ewropej, ladarba tkun eletta, hi ser tkun qed taħdem biex il-kaċċaturi u nassaba Maltin u Għawdxin ikollhom l-istess drittijiet daqs sħabhom l-Ewropej.
“Ma naċċettax li l-kaċċaturi u nassaba tagħna jitpoġġew dejjem f’dawl ikrah. Fil-verita’, huma persuni li jieħdu ħsieb l-ambjent ta’ madwarhom,” sostniet Dr Cutajar, hekk kif faħħret l-attiviżmu ambjentalist tad-diversi għaqdiet, li bil-fatti juru l-apprezzament tagħhom lejn l-ambjent rurali Malti u Għawdxi.
In-namra lejn dan id-delizzju, kompliet Dr Cutajar, bilfors iwasslek sabiex verament tħobb u tħares l-ambjent, u l-esperjenza ta’ paċi li tagħtik biss in-natura.
Dr Cutajar enfasizzat li l-kaċċa u l-insib sostenibbli hi t-triq ‘il quddiem sabiex nippreservaw dan id-delizzju, waqt li faħħret il-mod kif il-maġġoranza tal-kaċċaturi u nassaba jipprattikaw id-delizzju tagħhom b’mod sostennibli u konformi mar-regoli u l-liġijiet.
Waqt id-diskussjoni ġewwa r-Rabat, issemma’ wkoll id-delizzju tal-piroteknika. Dr Cutajar, waqt li qalet li s-sengħa tal-logħob tan-nar hi arti fiha nnifisha, u wkoll tifforma parti mill-kultura tagħna, indirizzat ċertu problemi li jiffaċċjaw id-dilettanti.
Suġġett ieħor li qam kien dak tal-isport bid-diskussjoni tmiss ma’ għadd ta’ dixxiplini inkluż is-sajd sportiv. Hawnhekk, Dr Cutajar faħħret ir-riżultati riċenti tal-isportivi Maltin u Għawdxin, fosthom dawk tal-Olimpijadi Speċjali, kif ukoll tal-futbol. B’referenza għall-investiment tal-Gvern f’dan is-settur, Dr Cutajar faħħret il-proġett tal-hill climb tal-Imtaħleb u x-shooting range f’Ta Kandja. Hija fissret kif l-istudji u l-proċess kemm għat-tieni fażi tax-shooting range għad-dilettanti tat-target shooting, u kif ukoll għat-trakka tal-karozzi u l-muturi għadhom għaddejjin.
Il-Kandidata għall-Parlament Ewropew semmiet ukoll l-istrateġija nazzjonali dwar l-isport, liema strateġija sejra ssaħħaħ lill-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi Maltin u Għawdxin permezz ta’ fondi konsiderevoli, u appoġġ Governattiv li se jkun qed jingħatalhom skont is-sostenibbilta` tal-ippjanar fit-tul tagħhom. Fi kliem Dr Cutajar, il-mira hija li bis-saħħa t’hekk l-isport f’pajjiżna ma jibqax biss delizzju imma jiżdiedu wkoll l-opportunitajiet għal karrieri f’dixxiplini differenti. Fl-aħħar snin pajjiżna beda jospita avvenimenti sportivi importanti li qed isarrfu anke f’turiżmu. Dr Cutajar sostniet kif hi taspira li l-faċilitajiet lokali jkomplu jitjiebu grazzi għax-xogħol tal-Gvern Laburista f’dan il-qasam u b’aktar użu ta’ fondi Ewropej.
“Minix ser nappella għal djalogu biss. Ser inkun magħkom u ser naħdem id f’id magħkom biex insibu soluzzjonijiet ġusti għal kulħadd,” sostniet Dr Cutajar fil-kummenti konklussivi tagħha lid-dilettanti preżenti.