Minkejja li l-esperjenza ta’ Josianne Cutajar bħala membru fil-Parlament Ewropew għadha fil-bidu tagħha, l-Ewroparlamentari Maltija għadha kemm ġiet maħtura bħala Rapporteur Permanenti għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi fil-Kumitat tal-Industrija, Riċerka u Enerġija (ITRE) mill-familja politika tagħha fil-Parlament Ewropew, is-Soċjalisti u d-Demokratiċi.
B’hekk il-Membru Parlamentari Maltija se tkun waħda mill-membri attivi fil-Gender Mainstreaming Network fil-Parlament Ewropew.
Permezz ta’ din il-kariga, parti mill-ħidma ta’ Cutajar fi ħdan dan il-Kumitat importanti se tkun iffukata fuq kif kull proposta u politika li jimbotta l-Kumitat iħaddnu perspettiva ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri, dak li hu magħruf bħala gender mainstreaming. Fil-ħatriet li jagħmel l-istess Kumitat, imbagħad, l-irwol ta’ Cutajar se jkun li tassigura rappreżentanza bilanċjata tal-ġeneri.
F’kumment dwar din il-ħatra, Josianne Cutajar esprimiet is-sodisfazzjon tagħha li l-attiviżmu tagħha fis-settur qiegħed ikun rikonoxxut b’dan il-mod. Hija fissret kif il-bilanċ bejn il-ġeneri għaliha ma jfissirx biss avvanz għan-nisa, iżda avvanz għas-soċjetà sħiħa, għaliex ilkoll nibbenefikaw meta kull individwu jkun jista’ jgwadi mid-drittijiet sħaħ tiegħu. Cutajar spjegat ukoll kif għaliha dan ma jfissirx li jittieħed xi dritt minn tal-irġiel biex jingħata lin-nisa, iżda l-ugwaljanza titlob li jinstab bilanċ sabiex kulħadd igawdi mill-opportunitajiet li toffri s-soċjetà tagħna.
Fl-istess waqt, Cutajar irreferiet għall-kisba tal-istess Soċjalisti u Demokratiċi meta l-President il-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula Von der Leyen, ħabbret in-nomini tagħha għall-Kummissjoni l-ġdida b’bilanċ assolut bejn nisa u rġiel, u dan wara insistenza mill-istess grupp politiku.
Fi kliem il-Membru Parlamentari Ewropew, dan il-bilanċ fil-Kummissjoni, flimkien mal-kariga l-ġdida ta’ Kummissarju Ewropew responsabbli speċifikament mill-Ugwaljanza fl-Ewropa, li bi kburija hu previst li ser tingħata lill-Maltija Dr Helena Dalli, jawgura tajjeb ħafna biex il-politika li twettaq l-Unjoni Ewropea tirrispetta l-bilanċ u tkisser l-ostakli patrijarkali li jżommu lil mara fi żvantaġġ.
L-attiviżmu ta’ Cutajar għat-tisħiħ tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri beda snin ilu l-aktar fi ħdan in-Nisa Laburisti li b’kuraġġ tella’ suġġetti importanti u miżuri favur il-familja fuq l-aġenda nazzjonali. Bħala avukat, hija ħadmet mill-qrib ma’ vittmi ta’ vjolenza domestika, u fl-aħħar xhur tkellmet ukoll fuq miżuri effettivi biex jitkissru strutturi soċjali li jpoġġu lill-mara fi żvantaġġ għall-progress professjonali tagħha. Hija tifforma parti wkoll mill-Kumitat tekniku dwar azzjoni pożittiva biex jiżdied il-bilanċ bejn il-ġeneri fil-Parlament Malti.
“Dan hu biss il-bidu. Irrid li l-politika Ewropea, fis-setturi varji, tkun waħda li tagħti aktar setgħa lil min s’issa huwa diskriminat,” saħqet Josianne Cutajar. “Dan nistgħu nagħmluh biss jekk il-politika Ewropea tkun, sa mill-bidu tagħha, allinjata mal-prinċipji tal-ugwaljanza u n-non-diskriminazzjoni, sabiex verament taħdem għal kulħadd.”