Il-ktieb The Great Maltese Composers: historical context, lives and works ta’ Joseph Vella Bondin, pubblikazzjoni tal-APS Bank, kien ir-rebbieħ tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb (Kotba 2016) fil-kategorija tar-riċerka bijografika u storjografika. Dan tħabbar fis-7 ta’ Diċembru waqt ċerimonja ta’ premjazzjoni miżmuma mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb fil-Berġa ta’ Kastilja taħt il-presidenza distinta tal-Prim Ministru ta’ Malta, l-Onor Dr Joseph Muscat.
F’diskors qasir, is-Sur Vella Bondin, irringrazzja lill-ġurija ta’ dal-premju prestiġjuż, spjega li l-ktieb kien ġie mitlub jiktbu mill-APS Bank li tiegħu hu kien il-konsulent mużikali għas-serje ta’ kunċerti annwali li l-bank jorganizza, u ħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti biex, speċjalment f’kunċerti ta’ xeħta nazzjonali, ix-xogħlijiet ta’ kompożituri Maltin, jiġu mogħtija prominenza assoluta.