Joseph Rodney Grima, l-Għawdxi ta’ 23 sena li nqabad jipprova jdaħħal ħmistax-il kilo kokaina u li huwa akkużat bi traffikar tad-droga, kien miċħud il-libertà proviżorja għat-tieni darba. Iż-żagħżugħ inqabad fid-dwana meta prova jdahhal id-droga bil-karozza minn Sqallija.
Il-Maġistrat Neville Camilleri qabel mal-Prosekutur li l-investigazzjoni għadha fi stadju wisq bikri biex Grima jinħeles mill-kustodja tal-Pulizija.
Il-libertà provizorja ta’ Joseph Rodney Grima ila kontroversjali mill-bidu, meta l-Maġistrat Antonio Micallef Trigona aċċetta li Grima jinħeles. Ftit sigħat wara, l-Avukat Ġenerali appella din id-deċiżjoni.
L-avukati difensuri ta’ Grima appellaw għal darb’oħra għall-ħelsien mill-arrest ilbieraħ, bl-argument li l-evidenza kontra Grima ingħatat diġa’ u ma kien hemm ebda riskju li kien se jinfluwenza xhieda.