Permezz ta’ MOVE, id-debutt tiegħu fuq l-istazzjonijiet tar-radju, il-kantant Joseph Refalo ser jissorprendi lis-semmiegħa. B’differenza għal materjal kollu li interpreta u nieda qabel, MOVE ġiet maħluqa b’mod l-aktar metikoluż għar-radju, bi ħsejjes kurrenti, tal-widna u b’ħafna enerġija pożittiva. Miktuba minn Matt ‘Muxu’ Mercieca, b’mużika u produzzjoni ta’ Cyprian Cassar, MOVE hija uffiċċjalment rilaxxata mil-lum, il-Ġimgħa 25 ta’ Awwissu.
MOVE ta’ Joseph Refalo hija xhieda tal-evoluzzjoni artistika tiegħu, ħaġa li turi l-versatilità tiegħu bħala artist. Din il-kanzunetta tieħdok vija oħra, minn dak li wasslilna qabel, inkluż il-parteċipazzjoni riċenti tiegħu fil-festival L-Għanja tal-Poplu bil-kanzunetta emottiva, ‘Kelma Bejn Tnejn’. B’melodiji ritmiċi u rresistibbli, MOVE hija destinata għal suċċess fuq l-istazzjonijiet tar-radju, esperjenza li żgur togħġob lis-semmiegħ.
B’antiċipazzjoni għar-rilaxx ta’ MOVE, huwa ingaġġa nies li qatt ma ħadem magħhom. Joseph qiegħed jikkollabora mal-istilista tal-moda Malcolm Gauci, u l-fotografu tal-moda Gary Bugeja bil-għan li l-kanzunetta jkollha dehra aktar kontemporanja. Dan juri livell kbir ta’ dedikazzjoni u investiment minn naħa tal-artist.
Jidher ċar li Joseph Refalo mhux biss qed joħloq kanzunetta imma esperjenza sħiħa għas-sensi. Kun żgur li tingħaqad miegħu fuq dan il-vjaġġ tiegħu t’esperjenza artistika, b’appoġġ minn CAP-Sounds li huma d-distributuri uffiċjali tiegħu, u Ironic PR & Artist Management li qed jieħdu ħsieb dak kollu relatat mal-midja, u l-istampa.