Kmieni din il-ġimgħa, Joseph Portelli ta r-riżenja minn President tal-Ħamrun Spartans.
Dan Portelli, li għandu 42 sena, għamlu biex ikun jista’ jilgħab fil-kumplament tal-partiti sat-tmiem il-Kampjonat Premier.
Ir-regoli tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol, l-MFA, jistabbilixxu li President ta’ klabb ma jistax ikun reġistrat bħala plejer.
ONE News jinsab infurmat li, jekk l-MFA tilqa’ r-reġistrazzjoni tiegħu bħala plejer, Portelli se jkun qiegħed jilbes il-flokk bin-numru 99.
Intant, fi stqarrija, l-MFA qalet li tikkonferma li rċeviet tali talba għar-riżenja u taf li din tista’ tkun marbuta mal-possibilità li l-klabb jitlob li jirreġistra l-istess persuna bħala plejer.
L-MFA qalet li tista’ ma taċċettax ir-riżenja.
Qalet li din ir-riżenja se tgħaddi lill-bord kompetenti abbażi ta’ dokument pubbliku u approvat mill-Bord Eżekuttiv.
Joseph Portelli kien diġà pprova jagħmel dak li għamel issa fil-kampjonat ta’ sentejn ilu, iżda l-pandemija waqqfet dan milli jsir.
Portelli kien diġa għamel xi ħaġa simili s-sena li għaddiet, meta huwa lagħab mat-tim tan-Nadur Youngsters u skorja penalty li bih it-tim tan-Nadur kiseb id-draw fl-aħħar logħba tal-istaġun. L-istess Nadur kienu rebħu l-kampjonat.
Bħala President tal-Ħamrun Spartans, Joseph Portelli rebaħ il-kampjonat Malti fl-ewwel staġun tiegħu u f’dan l-istaġun, it-tim Ħamruniż kien pass ’il bogħod milli jidħol fil-fażi tal-gruppi tal-Europa Conference League.