Mhux id-daqs tal-pajjiż li jgħodd, imma s-saħħa tal-ideat tiegħu. Irridu li l-Ewropa toħroġ mill-comfort zone tagħha, biex tilħaq suċċessi ġodda.
Dan qalu l-Prim Ministru Joseph Muscat f’attività organizzata mill-Membru Parlamentari Ewropew Miriam Dalli bit-tema “The Role of the Maltese Presidency in the Future of the EU”.
Il-Prim Ministru sostna li huwa ottimist għall-futur tal-Unjoni Ewropea, hekk kif il-kisbiet għaċ-ċittadini Ewropej qed jinkisbu – bħat-tnehhija tat-tariffi tar-roaming fost ohrajn. Dawn, spjega Joseph Muscat, huma kwistjonijiet li jmissu direttament liċ-ċittadini Ewropej, li ħafna drabi jħossuhom maqtugħin mill-Unjoni Ewropea. Tenna però li fadal ħafna xi jsir.
Miriam Dalli qalet li jekk qatt kien hemm żmien meta l-Unjoni Ewropea kellha bżonn tmexxija viżjonarja, huwa propju issa, u dan huwa dak li qed jipprovdi l-poplu Malti permezz tal-Presidenza. Spjegat li l-prioritajiet Maltin huma ispirati minn bżonn wieħed; il-bżonn li l-Ewropa terġa’ tingħaqad maċ-ċittadini billi tindirizza affarijiet li jaffettwaw liċ-ċittadini fil-ħajja ta’ kuljum.