Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li se jikkontesta l-ħames u t-tieni distretti elettorali.
It-tieni distrett huwa magħmul mill-Birgu, l-Isla, Bormla, Ħaż-Żabbar, parti mill-Fgura, il-Kalkara u x-Xgħajra. Il-ħames distrett jinkludi Birżebbuġa, Ħal Kirkop, l-Imqabba, Ħal Farruġ, Ħal Luqa, il-Qrendi, Ħal Safi u ż-Żurrieq.
Il-Prim Ministru qal li bħal ma dejjem żamm kelmtu, “se nżommha speċjalment magħkom tal-ħames distrett.” Il-Mexxej Laburista semma’ lil Karmenu Vella, li qed iservi bħala Kummissarju Ewropew “naf sew li lil Karmenu Vella timmissjawh, naf ukoll li xi drabi ħassejtukom li ħadtulkom u ħallejtkom ftit iltiema imma pajjiżna kellu bżonnu.” Iżda l-Prim Ministru ikkommetti ruħu li joħroġ hu stess f’dan id-distrett “biex nirrappreżentakom flimkien man-nies tat-tieni distrett.”
Il-Mexxej Laburista temm jgħid li se jkun qed juri dan “billi nagħti importanza kbira lilkom u kif se nifhem il-karba tagħkom li għamiltu 25 sena mwarrbin. Inżomm kelmti li se nkun magħkom fit-triq li rridu nimxu ‘il quddiem biex anke intom tgawdu aktar mill-ġid li ħloqna f’dan il-pajjiż.”