Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Joseph Muscat, emfasizza li l-gvern se jibqa’ jaħdem daqs li kieku għadu fl-ewwel ġurnata tiegħu.
F’kollegament fuq ONE Radio Joseph Muscat reġa’ emfasizza kif ix-xogħol tal-gvern jibqa’ dak li jġib l-investiment. “Nieħu pjaċir nara r-rata ta’ qgħad tkompli nieżla. Jekk għandu sigriet dan il-gvern hu li nibqgħu naħdmu qisna l-ewwel ġurnata. Inkomplu naħdmu għal pajjiż, inkomplu nuru x’nistgħu nagħmlu, jum wara ieħor. Dan irid ikun perjodu fl-istorja tal-pajjiż li jitfakkar bħala l-iktar żmien fejn qatt kien hawn xogħol,” qal Joseph Muscat li tkellem dwar il-fażi li jmiss.
“Mhux biss li jkun hawn xogħol, imma jkun hawn xogħol tajjeb ħafna. Għada se nkun qed niltaqa’ ma’ numru ta’ investituri Ingliżi biex nitkellem magħhom għaliex għandhom iħarsu lejna wara li jkun hemm il-Brexit,” spjega l-Prim Ministru. Fisser kif irid juri lil dawn il-kumpaniji li jaqblilhom ikunu Malta, jirreġistraw Malta, jiftħu Malta u jimpjegaw il-Maltin.
Mitlub jikkummenta dwar stħarriġ tal-opinjoni pubblika li poġġa lill-Partit Laburista f’pożizzjoni b’saħħitha l-Prim Ministru qal: “Iktar ma’ l-appoġġ ikun b’saħħtu iktar tikber ir-responsabbiltà fuqi u t-tim kollu tagħna. Għandna responsabbiltà massiva. Irridu nuru l-apprezzament tagħna billi npattu b’iktar xogħol. Se nkompli nġib iktar xogħol lejn pajjiżna. Se nkompli nuri li aħna resqin lejn l-Aqwa Żmien ta’ Pajjiżna,” żied Joseph Muscat li fisser kif il-ħidma tal-gvern hi mnebbħa mill-imħabba għall-pajjiż.
Irrefera wkoll għal stħarriġ ieħor li wera fiduċja mill-Maltin fl-istituzzjonijiet. “Bl-attakk enormi li kien hemm fuq l-istituzzjonijiet wara dan l-istħarriġ hemm interpretazzjoni interessanti. Il-Maltin qed jgħidu lil min jafdaw l-iktar u lil min jafdaw inqas. In-nies jindunaw x’qed jiġri u jgħarblu l-affarijiet. Jafu min hu ġenwin u min mhux qed jgħid il-verità. Jafu fejn hi r-realtà u fejn hi l-ispin,” tenna l-Prim Ministru.
Test għall-Oppożizzjoni
Dwar il-mozzjoni tad-deputat Chris Said iktar kmieni din il-ġimgħa, il-Prim Ministru qal li “qed jiġri dak li għidna li se jkun qed jiġri fejn Dr Delia għidnilu jekk mhux se titlob inkjesta int se jitolbuha ta’ madwarek.” Spjega kif fil-verità din hi mozzjoni kontra Dr Adrian Delia għax fuq kwistjonijiet oħra diġa’ hemm investigazzjonijiet. “L-uniku investigazzjoni li m’hemmx hi kontra Adrian Delia,” qal Joseph Muscat li fisser kif hemm kwistjonijiet oħra fejn l-oppożizzjoni għandha taġixxi. Fost oħrajn billi tinnomina persuna oħra fuq il-Kummissjoni kontra l-korruzzjoni.
Irrefera wkoll għall-fatt li uffiċjal pubbliku giddeb lill-eks Ministru Jason Azzopardi dwar deal skandaluż b’rabta ma’ art fi Spinola, San Ġiljan. “Kien hemm uffiċjal pubbliku, il-bniedem li kien inkarigat mil-lands u quddiem il-PAC qallu int kont fil-laqgħat,” fakkar Joseph Muscat li nnota kif Jason Azzopardi nqabad jigdeb.
“Din hi kwistjoni gravi speċjalment minn min jitkellem dwar good governance. Naħseb li jekk Dr Azzopardi mhux lest jerfa’ r-responsabbiltà għandu jkun il-Kap tal-Oppożizzjoni li jieħu dan it-test u jieħu passi kontra Azzopardi,” tenna Joseph Muscat.
Saħaq li l-oppożizzjoni għandha turi fejn trid tmur. “Il-gvern għażel fejn irid imur, irridu nibqgħu mmexxu l-pajjiż ‘il quddiem,” temm Joseph Muscat.