Malta minn dejjem kellha l-aħjar relazzjonijiet mar-Renju Unit u rridu nkunu attivi fi ħdan l-UE biex nassiguraw li n-negozjati ta’ Brexit iħarsu l-interessi taċ-ċittadini Ewropej b’attenzjoni partikolari fuq l-interessi ta’ Malta u l-Maltin.
Meta kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari tad-deputat nazzjonalista Claudio Grech, il-Prim Ministru qal li hemm diversi aspetti li jridu jiġu salvagwardjati inkluż li r-Renju Unit ma jistax ikollu pakkett aktar favorevoli minn dak li ġġib sħubija fl-Unjoni Ewropea.
Hemm diversi oqsma li qed jigu kkunsidrati fl-analisi li qed iwettaq il-gvern Malti nkluż id-drittijiet taċ-ċittadini Maltin li jaħdmu u jistudjaw fir-Renju Unit, l-interessi tan-negozji Maltin li joperaw jew li joffru servizz fir-Renju Unit, l-aċċess tas-suq ewlieni Ewropew, kif ukoll oqsma oħra tal-ekonomija.
Dr Muscat qal li rridu naraw ukoll fost oħrajn li l-arranġamenti li għandha Malta mar-Renju Unit fil-qasam tal-kura għall-pazjenti jibqgħu mhux mittiefsa. Il-gvern huwa impenjat ukoll li jwaqqaf Brexit taskforce magħmula mill-Gvern, il-Malta Enterprise u s-settur privat bil-għan li taħtaf kull opportunità possibli li Brexit tista ġġib lejn pajjizna fil-waqt li nilqgħu għall-isfidi li joħorgu minn dan il-proċess.
Il-Prim Mnistru qal li mhuwiex prudenti li f’dan l-istadju li l-Gvern jippublika r-riżultati ta’ l-analisi tiegħu. Malta flimkien ma’ 26 Stat Membru ieħor tinsab f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea sabiex l-interess tal-Unjoni u l-Istati Membri jiġu ssalvagwardjati.