L-eks Prim Ministru Joseph Muscat ikkontesta l-ordni ta’ ffriżar ta’ tletin miljun ewro, li ġiet imposta fuqu mill-Qorti.
Dr Muscat għamel dan permezz tal-avukati tiegħu fejn sostnew li l-ammont li għandu jiġi ffriżat irid ikun ibbażat fuq dak li hu msemmi fl-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella.
Fis-seduta ta’ dalgħodu, quddiem l-Imħallef Edwina Grima, l-avukati ta’ Muscat talbu lill-prosekuzzjoni tipprovdi evidenza ċara għaliex ġiet imposta ċifra ferm aktar għolja.
Dr Ishmael Psaila, li qiegħed jidher għal Dr Muscat, irrimarka li aktar kmieni din il-ġimgħa sitwazzjoni simili rriżultat mal-kumpanija Sciacca Grill, fejn il-Maġistrat Rachel Montebllo ddeċidiet li ma kienx hemm biżżejjed provi biex jiġġustifikaw l-akkużi miġjuba kontriha u illiberatha. L-istess għandu japplika għall-klijent tiegħu, argumenta Dr Psaila.
Min-naħa tagħhom, l-avukati li qed jidhru għall-eks Direttur Maniġerjali tal-Allied Newspapers, Adrian Hillman, argumentaw li ma kien hemm l-ebda evidenza dokumentata kontrih.
L-avukati li qed jidhru għal Keith Schembri, Konrad Mizzi u l-kumpaniji FSV u Kasco Engineering kellhom l-istess sentiment, fejn sostnew li l-inkjesta maġisterjali kienet ibbażata fuq suppożizzjonijiet u nieqsa minn provi konkreti.
Kien hawn li l-avukati talbu għal valutazzjoni ġdida u ħeġġew lill-Qorti biex tirrevoka l-ordnijiet ta’ ffriżar.